Infrastruttura
Tisbiħ ta’ ġnien pubbliku f’Għar Lapsi

Kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Infrastruttura u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi se tissarraf f’tisbiħ ta’ ġnien pubbliku f’Għar Lapsi. Ix-xogħol fuq dan l-ispazju miftuħ qed isir b’investiment ta’ ‘l fuq minn mitejn elf Ewro u għandu jkun lest sa tmiem is-sena.

Fi żjara fil-post, il-Ministru Ian Borg iltaqa’ mal-ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li qed jaħdmu fost oħrajn fuq latrini pubbliċi ġodda, tisħiħ tal-pedamenti, rampa għal aktar aċċessibilità u bini ta’ ħitan tas-sejjieħ.

‘Il quddiem se jsiru bandli ġodda u se jiġi installat il-monument Misraħ il-Kliem Mistur, li kien wieħed mis-sitt xogħlijiet artistiċi, li ntgħażlu fl-aħħar kompetizzjoni pubblika “Arti fi Spazji Pubbliċi”.

Il-Ministru Borg qal li matul din l-aħħar sena u nofs il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet se jkunu ħadmu fuq diversi proġetti ta’ spazji miftuħa, b’investiment ta’ aktar minn tlett miljun ewro u nofs.