Lokali
Tisħaq fuq il-bżonn ta’ diskussjoni wiesgħa dwar id-drittitjiet riproduttivi u sesswali

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Konsultattiv tan-Nisa Claudette Abela Baldacchino saħqet fuq il-bżonn ta’ diskussjoni wiesgħa u miftuħa fuq id-drittijiet riproduttivi u sesswali. Qalet li dan għandu jsir bla biża’ u mingħajr tgħajjir jew mibegħda.

L-ex Membru Parlamentari Ewropew  li ġiet appuntata bit-tmexxija tal-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet tan-Nisa, qalet li fl-aħħar xhur il-Kunsill Konsultattiv beda għaddej b’ħidma intensiva biex jaġġorna lilu nnifsu u anke jara li jaħdem fuq oqsma marbuta mal-ugwaljanza li fi kliemha għandha valur assolut u mhux relattiv.

Qalet li bħalissa l-Kunsill qed ifassal ħidma f’bosta oqsma biex iressaq ’il quddiem għadd ta’ proposti lill-gvern. Fost oħrajn semmiet il-bżonn li l-Gvern jindirizza anomaliji fil-liġijiet fosthom dik tas-suċċessjoni. Dan bil-għan li aħwa li jkunu għexu ħajjithom flimkien u jħallu d-dar lil xulxin ma jħallsux it-taxxa tas-suċċessjoni. Dan bħalma jseħħ meta koppja jħallu d-dar lil xulxin jew lil uliedhom.

Tkellmet ukoll dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata minnufih il-kwistjoni tal-pensjoni tan-nisa separati jew iddivorzjati. Qalet li waqt li l-irġiel jieħdu pensjoni sħiħa għax ikunu fid-dinja tax-xogħol, ħafna nisa li jisseparaw jew jiddivorzjaw qed jispiċċaw b’pensjoni baxxa jew bla pensjoni wara li tul ħajjithom ikunu qattgħu snin twal jieħdu ħsieb il-familja tagħhom.