COVID-19
Anzjani fid-djar tal-anzjani pożittivi għall-COVID se jintbagħtu fi sptar

Il-Gvern illejla ħabbar tisħiħ fil-miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tad-djar tal-anzjani.

Is-Segretarjat Parlamentari għall-Anzjanità Attiva qal li meta jiġi identifikat każ pożittiv f’dar tal-anzjani, dak ir-resident se jintbagħat fl-isptar Pawlu Boffa jew fl-Isptar St Thomas. Skont il-kundizzjoni medika, tabib jista’ jiddeċiedi li l-persuna nfettata tintbagħat Mater Dei. Ġie spjegat li din il-miżura se tidħol fis-seħħ meta jkun hemm każ pożittiv f’dar residenzjali li fiha bħalissa m’hemmx każi pożittivi.

Dwar Dar San Ġużepp, ir-residenti li huma pożittivi jew li huma fi kwarantina se jkunu qed jibqgħu f’din id-dar u se jkunu qed jibqgħu jieħdu l-kura kollha meħtieġa.

Ir-residenti li huma negattivi se jittieħdu f’Casal Nuovo, dar li se jkollha diversi sodod permezz tal-liċenzja ta’ Emerġenza mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali. Il-kumplament tas-sodod se jkunu qed jiġu pprovduti mill-isptar St James. Dawn ir-residenti se jkunu qegħdin fi kwarantina preventiva u se jiġu ttestjati kull tlett ijiem.