Qorti
Tiskansa tliet snin ħabs wara li ffrodat lill-eks sieħeb €71,000

Mara ta’ 42 sena skansat piena effettiva ta’ tliet snin ħabs fuq frodi wara li appellat mis-sentenza tal-Qorti Kriminali. Alexia Cross kienet ammettiet li ħadet €71,000 b’qerq lil raġel li miegħu kellha relazzjoni, u li ffalsifikat il-firem tiegħu biex tiġbidlu l-flus mill-bank.

Cross appellat biex tingħata sentenza inqas ħarxa fid-dawl tal-fatt li kienet ammettiet għall-akkużi u kkoperat mal-Pulizija. Żiedet li hija kienet f’relazzjoni mar-raġel li ffrodat, u kienet diġà ħallsitu lura parti mill-ammont li serqet, iżda ma setgħetx tkompli tħallsu minħabba li spiċċat il-ħabs fuq każi oħra.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, qalet li Cross setgħet teħel sa 7 snin ħabs, u l-ewwel Qorti kienet diġà kkunsidrat l-ammissjoni u l-koperazzjoni tagħha.

Madanakollu l-Qorti qieset ukoll li Cross tidher li qed tirriforma ruħha, fejn laqħet ftehim bil-miktub mal-vittma u mill-ħabs qed tħallsu ammont kull xahar. Il-Qorti qieset ukoll il-parir tal-uffiċjal tal-probation li Cross, li issa tixtieq tapplika għal parole, tingħata sentenza sospiża flimkien ma’ għajnuna.

Il-Qorti għalhekk biddlet il-piena u kkundannat lil Cross sentejn ħabs sospiża għal erba’ snin. Hija tpoġġiet ukoll taħt Ordni ta’ Superviżjoni għal erba’ snin u taħt Ordni ta’ Trattament għal sentejn.

Ara wkoll:

Serqitlu fuq €70,000 mill-kont u dam is-snin biex induna