“Tisparawlux!” – tiġbed filmat ta’ żewġha jinqatel mill-pulizija

Il-mara ta’ Keith Lamont Scott, li nqatel f’Charlotte mill-pulizija ftit tal-jiem ilu, ippubblikat filmat li ġibdet waqt li żewġha kien qed jiġi kkonfrontat mill-pulizija. Għall-ordni tal-pulizija biex iniżżel l-arma, Rakeyia Scott tinstema’ tgħajjat li żewġha mhuwiex armat.

Tgħid li għandu TBI, li tifsser ‘traumatic brain injury’, u li kien għadu kif ħa l-mediċini. Iktar tard il-familja qalet li Scott kien sofra ġrieħi f’rasu wara li kien involut f’inċident tat-traffiku sena ilu.

Fil-filmat ma jidhirx jekk Scott kellux arma jew le, u l-pulizija ma qalet xejn b’mod formali. Kienu biss sorsi anonimi li qalu li l-arma ġiet elevata u li kellha l-marki tas-swaba ta’ Scott fuqha.

Il-familja Scott qed tgħid li Keith kellu biss ktieb, u li probabbilment kien il-Koran. Missier ta’ sebgħa, Keith Scott kien qiegħed fil-karozza qrib id-dar, allegatament jistenna lil wieħed minn uliedu jasal mill-iskola. Mhuwiex ċar għalfejn il-pulizija, li kienu qed ifittxu persuna oħra biex jarrestawha, spiċċaw f’konfront ma’ Scott.

Il-belt ta’ Charlotte spiċċat fi stat ta’ emerġenza wara protesti fit-toroq għall-qtil ta’ Scott.