Kronaka
ARA: Tispiċċa f’vettura tal-Pulizija wara ħabta f’Raħal Ġdid
Tifel ta 7 snin u żewg pulizija, il-lejl illi għadda kienu fost ħames persuni li weġġgħu f’ħabta li seħħet fi Triq il-Perit Duminku MIntoff, f’Raħal Ġdid, li qabel kienet magħrufa bħala Triq Kordin.
 
L-inċident seħħ ftit qabel in-00:23 meta karozza misjuqa minn ġuvni ta’ 24 sena ħabat f’żewġ karozzi, waħda tal-Korp tal-Pulizija, f’road-block li kien qed isir eżatt quddiem il-Moskea.
 
Minn tagħrif li kiseb TVM minn fuq il-post irriżulta li dak il-ħin, karozza Volkwagen Passat misjuqa mill-ġuvni, kien tiela’ t-telgħa lejn Kordin, meta għal xi raġuni ma ndunax bir-roadblock li kien qed isir mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit. Dan minkejja li l-vetturi tal-Korp tal-Pulizija kienu bid-dwal il-blue ta’ fuq is-saqaf mixgħulin.
 
Dan bil-konsegwenza li ħabat b’impatt qawwi f’karozza li fiha kien hemm it-tifel ta’ 7 snin u omm it-tifel ta’ 35 sena li kienet qed issuq. Mad-daqqa, il-karozza ħabtet ukoll f’vettura tal-Pulizija tad-Distrett li nzertat kienet wieqfa bid-dwal il-blu mixgħulin, jassistu lil tal-RIU. Vettura tad-Direttorat tat-Tindif, li kienet fil-ġenb tat-triq, intlaqtet bi ftit.
 
Il-karozza tal-ġuvni mbagħad waqfet diversi metri ‘l fuq fid-daħla li tagħti lejn il-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
 
L-ewwel li assistew lill-persuni involuti kienu l-Pulizija tal-RIU, li ċemplu għall-assistenza u anke għenu lill-midruba jinħarġu mill-vetturi.
 
Fuq il-post intbagħatu żewġ ambulanzi, b’waħda tieħu lill-omm u lil binha l-isptar, waqt li l-oħra ħadet lil-ġuvni. Iż-żewġ pulizija tad-Distrett ittieħdu għal kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid.
 
Fl-isptar, it-tifel ta’ 7 snin ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi kawża ta’ ksur f’siequ u ġie operat minnufih. L-omm ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ħfief mentri l-ġuvni ma sofra l-ebda ġrieħi.
 
Iż-żewġ pulizija ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief.
 
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku fid-direzzjon ta’ Kordin, sakemm saru l-investigazzjonijiet min-naħa tal-Pulizija.