Tisraq il-flus mill-karus ta’ wlieda biex tmantni l-vizzju tal-logħob

‘Popolin’ tkellem ma’ mara li xtaqet tgħid l-istorja tagħha biex titqajjem iktar kuxjenza dwar il-vizzju tal-logħob. Spjegat li hi miżżewġa, b’żewġt itfal u kienet ilha tilgħab il-flus mill-età ta’ għoxrin sena. Ammettiet li kien hemm ġranet fejn saħansitra ħadet anke flus mill-karus tat-tfal biex ikollha flus biex tilgħab; “wara tlett ijiem li nkun irċevejt il-paga kont inkun diġà nfaqthom fuq xi logħob permezz tal-mobile”.

Qalet li kienet spiċċat tissellef ammonti kbar ta’ flus biex tlaħħaq mal-vizzju tal-logħob; “dejjem kont nara kif se nivvinta xi skuża ġdida”. Tenniet li għalkemm ir-raġel kien jaf li kienet tħobb tilgħab xi logħba tombla, ma kienx jaf li l-problema kienet daqshekk kbira; “ma kienx jaf li kelli problema daqshekk gravi, kont nilgħab kuljum”. Qalet li kienet tħossha ħażin ħafna meta kienet tieħu xi flus tat-tfal.

Xi tlett snin ilu s-sitwazzjoni gravat, hekk kif issellfet ħamest elef ewro mingħand il-ħbieb bl-iskuża li għandha bżonn il-flus għall-ħajja. “Tellajt spiża ta’ tletin elf ewro, kelli problemi mar-raġel u anke ma’ nies oħra”. Qalet li llum il-ġurnata qegħdin jgħinuha membri tal-familja, u għalkemm tapprezza l-għajnuna li sabet saħqet li mhijiex faċli biex toħroġ mill-vizzju.

“Il-vizzju hemm jibqa’ imma trid titgħallem tikkontrolla. Għandi żewġ anġli rrid nieħu ħsiebhom, għalija dawk saru l-prijorità”.