Lokali
Aġġornat: Vince Muscat ordnat jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Degiorgio

Il-Qorti ordnat biex il-ġimgħa d-dieħla Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra l-aħwa Alfred u George Degiorgio li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan l-iżvilupp seħħ ġimgħa wara li s-Sur Muscat ingħata l-proklama fuq il-każ ta’ qtil tal-Avukat Carmel Chircop f’Ottubru tal-2015 filwaqt li ammetta s-sehem tiegħu fl-assassinju tal-ġurnalista f’Ottubru tal-2017. Għal dan ir-reat, hu ġie kkundannat 15-il sena ħabs.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qalet li waslet għal din id-deċiżjoni wara digriet tal-Qorti Kriminali li ordna li s-Sur Muscat jitla’ bħala xhud f’din il-kumpilazzjoni. Id-difiża tal-aħwa Degiorgio oġġezzjonat għal dan id-digriet għax argumentat fost oħrajn li l-akkużati ma ngħatawx ċans jagħtu l-verżjoni tagħhom. L-Avukat William Cuschieri lmenta li qed jintuża kejl differenti mal-akkużati.

Intant, il-Qorti ordnat biex fis-seduta li jmiss ikunu ppreżentati tmien recordings ta’ Melvin Theuma li hu l-intermedjarju fil-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. Id-difiża qalet li l-kontro-eżami tas-Sur Theuma jsir meta jitlestew it-traskrizzjonijiet ta’ dawn ir-recordings.