Qorti
Tissokkta l-inkjesta pubblika fil-każ Caruana Galizia – il-Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja fost ix-xhieda

Illum issoktat l-inkjesta pubblika fil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, liema inkjesta qed tistħarreġ jekk l-awtoritajiet setgħux jieħdu miżuri biex jevitaw dan il-qtil.

It-tim legali tal-familja ippreżenta dossier dwar Josef Caruana, li qalu jinkludi screenshots varji tal-midja soċjali tiegħu u l-editorjali li kien kiteb fil-kariga tiegħu bħala editur tal-ġurnal l-Orrizont.

Jixhed Matthew Carbone, il-Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja

Xehed Matthew Carbone li huwa l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern. Il-bord staqsa dwar ix-xniegħat li fil-passat assoċjaw il-qtil ta’ Caruana Galizia mat-traffikar tal-fjuwil. Qal li din ma kellu l-ebda rwol f’din in-narattiva u li qiegħda fid-dominju pubbliku.

Mistoqsi hekk kienx responsabbli fuq it-talbiet għal informazzjoni taħt il-Freedom of Information Act, is-Sur Carbone qal li huwa kien jiġi kkonsultat fuq xi risposti. Qal li d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Freedom of Information Unit.

Mistoqsi jekk hux kull kamra tal-aħbarijiet kienet tkun mistiedna għall-Konferenzi, is-Sur Carbone qal li kulħadd kien jirċievi l-istess stediniet. Qal li dawn ma sarux biss fl-aħħar xahrejn tas-sena meta ma kienx hemm lok għal press call għaliex il-Prim Ministru kien qed jagħti kummenti kuljum. Qal li ukoll li l-ebda kamra tal-aħbarijiet qatt ġiet imċaħħda min xi stedina.

Mistoqsi jekk tkellimx ma’ xi kollegi dwar il-konnessjoni ta’ Yorgen Fenech mal-qtil, is-Sur Carbone qal li qatt ma ddiskuta dan. Qal li huwa qatt ma rah Kastilja u li ma jafux.

Mistoqsi dwar jekk kienx jitkellem dwar il-Panama Papers qal li kien jagħmel dan biss għal fini ta xogħol. Qal ukoll li ma kienx ikun involut fid-diskussjoni.

Is-Sur Carbone jwieġeb dwar il-ġurnalisti li allegatament issakkru f’Kastilja – jisħaq li hi proċedura normali li jitħallew jistennew fis-sala tal-ambaxxaturi

Mistoqsi fuq is-sigurtà f’Kastilja u jekk jaħdmux xi membri tas-sigurtà, is-Sur Carbone qal li sa fejn jaf huwa s-sigurtà hija remit tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Ġie mistoqsi wkoll dwar l-allegat inċident fejn ġurnalisti ġew imsakkra f’Kastilja, fejn wieġeb li l-ġurnalisti ma ssakrux. It-tim legali tad-difiża issa ppreżenta r-ritratti tal-persuni li dehru fil-filmati.

Is-Sur Carbone qal li dakinhar, x’ħin intemmet il-laqgħa tal-Kabinett fit-3.00 ta’ filgħodu, niżel għall-ġurnalisti, u li f’dak il-mument id-dimostranti daħlu f’Kastilja mal-ġurnalisti. Qal li kkonsulta mal-Prim Ministru jekk għandhomx jipposponu l-konferenza stampa, madanakollu stqarr li l-Prim Ministru ried jagħmlilha dak il-ħin.

Qal li kienet proċedura normali li kull darba li ssir konferenza stampa fis-sala tal-ambaxxaturi, il-ġurnalisti jintalbu jistennew fi tmiem il-laqgħa. Qal li l-ġurnalisti damu biss żewġ minuti ġol-kamra, fejn qal li fil-istess perjodu kien hemm Ministri li damu msakkra fil-karozza siegħa sħiħa.

Iċ-Chairman tal-bord tal-inkjesta għafas ix-xhud biex jiddikjara jekk jafx lill-persuni fil-filmat, bl-avukat tax-xhud joġġezzjona. Madanakollu x-xhud ħares lejn ir-ritratti wieħed wieħed u identifika l-persuni, fosthom lil Josef Scerri li qal jaħdem f’Kastilja u Ruben Sciberras li qal jaħdem ma’ Ministru li kien preżent għal-laqgħa. Identifika wkoll lil Michael Micallef u Ronnie Vella li t-tnejn qal jaħdmu f’Kastilja.

Ix-xhud ġie mistoqsi wkoll meta kellem l-aħħar lil Keith Schembri. Qal li kien fl-aħħar ta’ Ottubru fil-perjodu tal-baġit.

Huwa ġie mistoqsi jekk iżommx noti ta’ laqgħat. Ix-xhud spjega li huwa jieħu noti biss f’laqgħat meta tkun miftuħa għal midja u għall-fini ta’ kommunikazzjoni.

Corinne Vella b’attività ta’ Josef Caruana u Neville Gafà fuq il-midja soċjali 

Is-Sinjura Corrine Vella bil-ġurament ppreżentat żewġ dokumenti fuq t-tnejn mix-xhieda tal-llum Josef Caruana u Neville Gafà. Qalet li dawn jinkludu l-attività fuq il-midja soċjali tagħhom fejn allegatament kienu jiffastidjaw lis-sinjura Caruana Galizia.

Qalet li Neville Gafa kien ippublika r-ritratti tas-sinjura Caruana Galizia ġurnata qabel il-mewt tagħha u li fid-dawl tal-allegazzjonijiet fil-konfront tas-Sur Gafà jitqanqal ħsieb li dan jista’ kellu relazzjonijiet ma’ ċrieki kriminali.

Matthew Caruana Galizia b’CDs fuq il-blog ta’ Glenn Bedingfield

Xehed Matthew Caruana Galizia li ppreżenta dokument flimkien ma’ żewġ cds fuq il blog ta’ Glenn Bedingfield. Qal li blog kienet reġgħet ġiet attivata fl-2015 u ġiet sospiża fl-2018.

Qal li f’programm televiżiv li kien jagħmel flimkien ma’ Luke Dalli, Caruana Galizia kienet giet mgħajjra saħħara permezz ta’ karattru fittizju.

Jixhed Josef Caruana – jgħid li qatt ma ġie mħarrek fuq kitbiet fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia

Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ Josef Caruana, li jaħdem fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mistoqsi jekk kitibx dwar Daphne Caruana Galizia meta kien editur tal-Orizzont, huwa qal li għamel dan kemm fil-gazzetta u kif ukoll fuq il-midja soċjali tiegħu. Qal li dejjem mexxa fil-parametri tal-liġi tal-istampar u li qatt ma tħarrek għal malafama fil-konfront ta’ Caruana Galizia.

Ix-xhud ġie mistoqsi fuq kitbiet li għamel fuq Facebook, fejn staqsa għalfejn il-karozza tas-sinjura Caruana Galizia tħalliet barra. Qal li dawn kienu kummenti ta analiżi li għamel mill-ġurnali.

Is-Sur Caruana ġie mistoqsi fuq is-sigurtà f’Kastilja, fejn huwa wkoll wieġeb li din hi fir-responsabbiltà tal-Forzi Armati ta’ Malta, madanakollu qal li ma jafx minn għand min jirċievu l-ordnijiet.

Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tax-xniegħat li żżewġu t-traffikar tal-fjuwil mal-qtil ta’ Caruana Galizia, is-Sur Caruana qal li din kien tkellem dwarha Saviour Balzan, u li m’għandux idea kif din ġiet żvelata.

Mistoqsi fuq ‘The Truth Project’ Is-Sur Caruana stqarr li ma jaf xejn dwar dan. Mistoqsi fuq xkien li rwol ta’ Neville Gafa f’Kastilja, is-Sur Caruana qal li ma jafx. Qal ukoll li qatt ma lemaħ lil Yorgen Fenech f’Kastilja.

L-avukati tal-familja staqsew lix-xhud jekk jafx minn kien wara s-sit ‘www.tasteyourownmedicine.com’. Is-Sur Caruana qal li ma jafx dwar dan.

Miltub jispjega kif ħassu komdu bħala persuna ta’ fiduċja fl-uffiċċju tal-Prim Ministru bil-kitbiet tiegħu fuq il-midja soċjali, qal li dejjem mexa mal-konfini tal-liġi tal-istampa. Mistoqsi fuq okkażjoni fejn talab skuża għall-kitbiet tiegħu s-Sur Caruana qal li kien talab apoloġija wara li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qalu li mhux aċċettabbli jitkellem hekk.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Kwarantina obbligatorja b’effett immedjat fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far fejn jgħixu madwar elf resident. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija. Il-Ministru Fearne qal li…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar