Qorti
Tissokta l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech

Dalgħodu kompliet tinstema fil-magħluq il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech mixli li kien il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fil-bidu tas-seduta, id-difiża talbet il-Qorti tikkunsidra biex ix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud dwar informazzjoni li Yorgen Fenech ta lill-pulizija f’laqgħat intiżi biex Fenech jitlob maħfra presidenzjali, tinstema fil-magħluq, bil-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, tgħid li għalkemm mhux kompitu ta’ din il-Qorti biex tiddetermina ssirx ħsara lil xi drittijiet fundamentali tal-akkużat ħadet il-miżuri biex dan jiġi evitat.

Sadattant, qabel bdiet is-seduta, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Imħallef Anna Felice ċaħdet it-talba ta’ Yorgen Fenech biex iwaqqaf mistoqsijiet mill-prosekuzzjoni u mill-parte civile fil-kumpilazzjoni dwar informazzjoni mogħtija għall-fini ta’ proklama.

F’żewġ digrieti separati, il-Qorti tal-Maġistrati ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, ċaħdet żewġ talbiet oħra li ressqu l-avukati ta’ Yorgen Fenech. Waħda fejn talbu li jkollhom linja diretta u mhux immonitorjata mal-ħabs biex ikunu jistgħu jikkomunikaw mal-klijent tagħhom.

U l-oħra biex il-Qorti tordna l-produzzjoni tad-data kollha tal-fornitur tas-servizz tal-mobile miġbura mill-Pulizija fl-investigazzjoni kontrih li tinkludi informazzjoni ta’ nies privati li għalkemm huma ta’ interess għall-pulizija, mhumiex involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.