Tissuġġerixxi li tfal bl-awtiżmu jintlibsu ‘wristband’ fil-bandli

Omm li assistiet għal dik li dehret bħala aggressjoni fuq tifel minn tifel ieħor li jbati bl-awtiżmu ssuġġeriet li dawn it-tfal jintilbsu ‘wristband’ (faxxa ma’ jdejhom) biex fi kliemha jiġu identifikati u “b’hekk jiġi evitat ħafna inkwiet bla bżonn”.

wristbandIs-suġġeriment sar mill-persuna li tmexxi paġna magħrufa ma’ eluf ta’ ommijiet Maltin fuq Facebook intitolata “Ommijiet ngħidu kelma flimkien”. Il-kumment tagħha ġab reazzjoni negattiva minn bosta ommijiet li għandhom uliedhom ibatu minn din il-kundizzjoni li ħassewhom imweġġa’ b’dan il-kumment. Il-kontroversja kompliet tikber hekk kif kienu bosta ommijiet oħrajn li qablu ma’ dan is-suġġeriment u għamlu like fuq dan il-kumment.

L-inċident li qajjem din il-kontroversja seħħ f’bandli ftit tal-jiem ilu meta tifel li jbati bl-awtiżmu imbotta tifel ieħor fejn waqqgħu u ħabbatlu rasu ma’ bandla. Hawnhekk omm il-vittma qamet tiġri tistaqsih għalfejn għamillu hekk. Fil-pront omm it-tifel weġbitha “billi qed tgħajjat… taf x’kundizzjoni għandu? Dan authistic. F’mument ta’ rabja omm il-vittma weġbitha li “jekk mhux nies… toħorġux man-nies”.

L-omm li assistiet għal din ix-xena sostniet li fis-sitwazzjoni tifhem iż-żewġ naħat u kien hawn li ssuġġeriet li dawn it-tfal b’din il-kundizzjoni jintlibsu ‘wristband’ biex jiġu identifikati. Qalet li b’daqshekk mhux se jiġu ttimbrati iżda skont hi jevitaw ħafna inkwiet bla bżonn.

Madankollu dan is-suġġeriment ġab kritika ħarxa minn bosta u kkummentaw li ħadd u b’mod partikolari t-tfal qatt m’għandhom jiġu ttimbrati.

“Jien qatt ma rajt wristband fuq nies li għandhom dyslexia jew ibatu mid-depression. Sakemm mintiex qrib il-persuna direttament m’għandekx għalfejn tkun taf. Min-naħa l-oħra aħna l-ġenituri ta’ tfal bl-awtiżmu għandna responsabbilità akbar għax it-tfal tagħna ċertu affarijiet ma jifhmuhomx. Ma nistgħux nitilqu lit-tfal tagħna minn taħt għajnejna għal sekonda, lanqas biex nibagħtu messaġġ”, qalet omm li b’reazzjoni għal post fuq din il-paġna.

Ikkuntattja minn tvm.com.mt, ġenitur ta’ tifel bl-awtiżmu qal li qabel ma nagħtu label lil dawn it-tfal, irridu niftakru, li dak jew dik jista’ jkun it-tifel jew it-tifla tiegħek li għandha l-kundizzjoni tal-awtiżmu.

“Qabel ma tgħidu dak imqareb jew imqarba u tifhmu wkoll li jekk kulħadd jagħmel il-biċċa tiegħu, ġenituri bit-tfal bl-awtiżmu, ibatu anqas u jkollhom aktar koperazzjoni fis-soċjetà, mill-pubbliku inġenerali, kif ukoll mill-entitajiet barra li qed iduru madwarna ta’ kuljum”, sostna l-missier.

L-awtiżmu ma jolqotx lil kulħadd l-istess.Hemm tfal li għandhom awtiżmu ħafif u oħrajn affettwati iżjed. Ir-riċerka turi li persuna tinduna li tbati mill-awtiżmu minn tliet kundizzjonijiet: nuqqas ta’ komunikazzjoni fuq livell soċjali, ir-relazzjoni jew l-interazzjoni ma’ ħaddieħor, u anke n-nuqqas ta’ immaġinazzjoni, b’tali mod li dak li huwa konkret fil-preżent nista’ nagħmel sens minnu, imma dak li minix nara, ma nistax nimmaġinah.

L-awtiżmu huwa kkaratterizzat ukoll minn ripetizzjoni ta’ aġir u livell baxx ħafna ta’ tolleranza għall-bidla, jiġifieri persuni b’din il-kundizzjoni jħobbu ħafna r-rutina.

Fl-aħħar snin l-inċidenza tal-awtiżmu f’Malta kibret. Għalkemm m’hawnx ċifra eżatt,  xi professjonisti fil-qasam jistmaw li tarbija minn kull 50 li titwieled ikollha traċċi ta’ awtiżmu jew saħansitra jkollha l-kundizzjoni. Dan ifisser rata ta’ 50 tifel u tifla fis-sena jitwieldu bl-awtiżmu.