Lokali
Tista’ taqbad u ttella’ ritratt fuq l-internet mingħajr permess?

Fil-ħajja li ngħixu kuljum bl-użu kontinwu tat-teknoloġija huwa impossibbli li nibqgħu anonimi. Mingħajr ma tintebaħ qiegħed tħalli traċċi warajk li tagħmilha impossibbli li tibqa’ anonimu. Kull meta taċċessa sit jew tixtri xi ħaġa mill-internet qiegħed tħalli xi informazzjoni dwarek.

F’dan l-isfond hemm qafas legali li jħares l-interessi tiegħek. Dan kien diskuss waqt il-programm TVAM mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data Ian Deguara.

Ta’ spiss nieħdu ritratt u ntellgħuh fuq il-mezzi soċjali mingħajr ma nintebħu li nistgħu nkunu qegħdin niksru l-protezzjoni tad-data. Il-Kummissarju Deguara spjega li wieħed ma jistax itella’ ritratt jekk ma jkunx hemm kunsens tal-persuni li qed jidhru. Osserva li fir-ritratt lanqas jista’ jidher numru ta’ karozza mingħajr permezz.

Hawn spjega li meta persuna tħoss li nkissrilha d-dritt tagħha tista’ tressaq ilment iżda biex dan jiġi investigat il-każ irid ikollhom informazzjoni tal-persuna li tellgħet ritratt.

Waqt il-programm, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tal-Informazzjoni u d-Data jwieġeb ukoll dwar għal kemm żmien tista’ tinżamm informazzjoni u dwar iċ-CCTV cameras. Huwa spjega li waqt li persuna tista’ tagħmel kamera biex tħares il-proprjetà tagħha ma tistax bil-kamera taqbad spazju pubblku jew it-triq kollha.

Segwi l-intervista sħiħa li saret waqt il-programm TVAM hawn.

TVAM jixxandar kuljum, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7am u d-9am.