Kultura
Tista’ tara doku-drama dwar il-ħajja ta’ Caravaggio fil-Konkatidral ta’ San Ġwann

Restawr estensiv fl-oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-ftuħ tal-Caravaggio Wing, ġew inawgurati din il-ġimgħa. Dawn iż-żewġ proġetti saru mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-proġett tal-Caravaggio Wing huwa parzjalment finanzjat mill-Unjoni Ewropea.

Fil-Caravaggio Wing, il-viżitaturi jistgħu japprezzaw il-kwadru ta’ San Ġilormu u jsegwu doku-drama tal-artist Taljan li qatta’ sena jgħix Malta fis-seklu sbatax; sena li fiha beda bħala novizz tal-Ordni, imbagħad kavallier u fl-aħħar il-ħarba drammatika tiegħu minn Sant’ Anġlu, fejn kien priġunier.

L-oratorju tal-Konkatidral ta’ San Ġwann li nbena fi żmien il-Gran Mastru Wignacourt fis-seklu sbatax ġie restawrat fi proġett estensiv li ħa kważi ħdax il-xahar.

Il-Kap Eżekuttiv u Kuratriċi tal-Konkatidral, Cynthia Degiorgio, qalet li r-restawr huwa wieħed sinifikanti għax fost oħrajn, tlettax-il pittura ta’ Mattia Preti ġew irrestawrati flimkien mal-induratura tas-saqaf tal-injam.

“Dawn huma l-aħħar ċiklu li għamel Mattia Preti qabel miet, kien diġà anzjan u juri illi avolja kellu ċertu età, kien għad għandu l-kapaċità li jpinġi kwadri immens sbieħ.”

Is-sinjura Degiorgio żiedet tgħid li l-pittura ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio ‘Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista’ ġiet imdawla b’sistema ġdida ta’ dawl LED, li se telimina ħsarat ikkawżati mis-sħana u r-raġġi tad-dawl li kienu jintefgħu fuq il-kwadru.

F’sezzjoni oħra, msejħa il-Caravaggio Wing, fejn tinsab esebita l-pittura San Ġilormu jikteb, ukoll ġiet mgħotija ħajja ġdida b’investiment ta’ żewġ miljun Ewro u nofs.

“Għax dik il-pittura ħaqqha spazzju għaliha, kif kien fil-fatt l-iskop għal meta tpinġiet, għax din kienet tinddendel fi studju ta’ Ipoleto Manespina, u żgur ma kinitx biex tintwera ma’ ħafna pitturi oħrajn, u xogħol ta’ Caravaggio mhux ta’ min irossu ma’ pitturi oħrajn.”

Fil-Caravaggio Wing ukoll, minbarra s-Sala ta’ San Ġilormu, il-viżitaturi jistgħu jsegwu ‘Meet Caravaggio’: doku-drama qasir dwar il-ħajja tal-artist f’Malta f’1607. Fis-sena li Caravaggio qatta’ Malta kienu tnejn il-kapolavuri tiegħu li ħadem għall-Kon Katidral ta’ San Ġwann; l-ikbar kwadru tiegħu dak tal-qtugħ ir-ras tal-Battista u ta’ San Ġilormu.

“Ħa jkun hemm ukoll feature li jismu ‘Meet Caravaggio’ beix dak li jkun ikun jista’ jieħu dik l-istorja ta’ Caravaggio, għax kellu storja drammatika ta’ minn meta telaq minn Ruma sakemm ġie Malta, ħallu kull min jiġi San Ġwann jitlaq bl-għarfien dwar Caravaggio u ma jinsieħx.”

Il-proġett tal-Caravaggio Wing kien parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Tmenin fil-mija ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, u għoxrin fil-mija mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.