Kisbiet
Tista’ tara l-lingwa tas-sinjali Maltija fuq dizzjunarju online

Il-lingwa tas-sinjali Maltija hija t-tielet ilsien uffiċjali f’Malta. Lejliet il-Jum Dinji għal-Lingwa tas-Sinjali, TVM tkellem mal-Professur Marie Alexander li hija l-editriċi tal-uniku dizzjunarju ta’ din il-lingwa, li jiġbor mijiet ta’ sinjali li jirrappreżentaw kunċetti, oġġetti jew ideat.

Il-lingwa tas-sinjali hija lingwa bħal kull lingwa oħra, għandha r-regoli tagħha u anke maż-żmien tiżviluppa u tissaħħaħ b’sinjali ħodda skont il-ħtieġa. Fl-aħħar żmien din il-lingwa ħadet spinta minħabba li bdiet tintuża ta’ spiss fl-istituzzjonijiet edukattivi u Ewropej, kif ukoll f’oqsma oħra bil-għan li l-persuni neqsin mis-smigħ jkollhom sehem ikbar fis-soċjetà.

“Il-lingwa għandha l-grammatika tagħha u allura fejn jidħlu l-ordni tas-sinjali ma tmurx bl-istess ordni li nużaw fil-Malti , is-sekwenza tal-kliem fil-Malti, ma tistax taqlibhom kelma għal sinjal, kieku tagħmel hekk ġieli jidħqu lpersuni neqsin mis-smigħ għax tkun qisha ma tinftihemx sew jiġifieri hija lingwa sħiħa.”

Marie Alexander hija professur tal-lingwistika u t-teknoloġija tal-lingwa fl-Università ta’ Malta. Qattgħet is-snin tiġbor l-informazzjoni biex flimkien ma’ Dr Maria Galea ġabru l-lingwa tas-sinjali li kienet tintuża minn dawk neqsin mis-smigħ f’dizzjunarju. Il-persuni neqsin mis-smigħ illum jikkomunikaw anke bil-mobile bil-lingwa tas-sinjali tant li s-sinjali ġodda li jinħolqu jkunu ddiskutewhom huma wara li jkunu segwew ċerti karatteristiċi li jidentifikaw sinjal aħjar minn ieħor. Id-dizzjunarju huwa mqassam b’temi fosthom l-isimijiet tal-annimali, postijiet, pajjiżi u professjonijiet fost oħrajn. Permezz ta’ dan id-dizzjunarju l-lingwa tas-sinjali tingħata struttura ferm aħjar u anke permanenti bil-għan li maż-żmien tkompli tissaħħaħ.

“Bdejna niġbru s-sinjali u nieħdu r-ritratti, ovvjament peress li dak huwa l-hard copy, għandna videos iżda ma jistgħux jintużaw fi ktieb, ġbarna ħafna għax għedna ħa nagħmlu temi almenu nkunu spiċċajna xi ħaġa, għamilna xi 90 pereżempju, nannakola ma kellhomx, issa għandhom għan-nannakola allura mal-bżonn huma jitkellmu bejniethom.”

Id-dizzjunarju li kien ippubblikat 17-il sena ilu, illum jinsab online ukoll. Dan huwa frott ta’ ħafna xogħol li wettqet il-Professur Alexander flimkien ma’ kollega tagħha Dr Galea. Id-dizzjunarju fih tpinġija li tirrappreżenta kull sinjal u kif għandhom isiru mill-persuna li qed tuża l-lingwa tas-sinjali. Online wieħed isib filmati u ritratti ta’ kif isiru s-sinjali. Bħal kull lingwa oħra l-lingwa tas-sinjali trid taddatta għaż-żminijiet tant li minħabba l-pandemija żdiedu b’aktar minn mija s-sinjali bil-għan li dawk neqsin mis-smigħ jikkomumikaw aħjar u b’aktar ħeffa.

Il-PBS illum se jniedi sensiela ta’ inizjattivi b’rabta mal-lingwa tas-sinjali li se jitħabbru aktar tard illum.