Tista’ tħobb aktar minn sieħeb jew sieħba waħda?

‘Popolin’ stħarreġ l-imħabba, l-intimità u r-relazzjonijiet moderni, huwa possibbli li tħobb żewġ persuni differenti bl-istess tip ta’ mħabba u kemm hu faċli li ssib il-ġibdiet intimi kollha f’persuna waħda? Tkellimna ma’ Matthew Bartolo u Nicola Falzon, sesswologi u psikologi.

Mistoqsija mill-preżentatur kif jiddeskrivu l-imħabba fi tliet kelmiet Bartolo għażel il-valuri tar-rispett, lealtà u s-sess filwaqt li Falzon għażlet il-komunikazzjoni, l-intimità u r-rispett. Spjegaw li l-imħabba hija xi ħaġa personali ħafna fejn mhux kulħadd jagħtiha l-istess tifsira u mhux kulħadd jesperjenzaha bl-istess mod. Matthew Bartolo stqarr li meta beda l-karriera tiegħu kien jemmen li mhux possibbli tħobb iktar minn persuna waħda bl-istess mod, biss wara snin ta’ esperjenza jemmen li iva dan hu possibbli. Tenna li jeżistu persuni li mingħajr ebda intenzjoni malizzjuża jew egoista jkunu jħobbu żewġ persuni b’mod ġenwin, fl-istess ħin.

Ħafna jippruvaw isibu l-ġibdiet intimi kollha f’persuna waħda, għalkemm kieku jkun l-ideal huwa diffiċli biex dan isir. Għalhekk bosta huma dawk li jħoss ġibdiet intimi differenti lejn persuni differenti, per eżempju l-ġibda fiżika u sesswali f’persuna, ġibda intellettwali f’oħra u ġibda emozzjonali f’persuna oħra. Din tista’ tkun ir-raġuni għalfejn persuna tfittex attenzjoni oħra barra mir-relazzjoni intima tagħha. Għalkemm din mhux norma, ħadd ma jista’ jiġġudika forom ta’ relazzjonijiet differenti. Jeżistu relazzjonijiet hekk imsejħa ‘open relationships’ li bl-għarfien u l-kunsens taż-żewġ partijiet, persuna jkollha relazzjonijiet oħra barra mill-unjoni tagħhom.