
Il-Gvern ser iwieżen b’sussidju akbar li jista jilħaq sa €5,000 fis-sena għall-kirjiet li jsiru mill-privat. Bħalissa 1,800 familja huma ntotlati għal dan is-sussidju u l-għadd tagħhom jista’ jiżdied.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna, u mis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes tħabbru seba’ kategoriji ta’ familji li jistgħu jirċievu sussidju fuq il-kera li jvarja bejn €3,600 sa €5,000 fis-sena skont id-dħul tal-familja.
Bil-miżura tal-Budget, il-familji li qegħdin fil-kera u li għandhom persuna b’diżabilità jew qed jiffosterjaw ser jingħataw żieda addizzjonali fil-benefiċċju tal-housing.
B’allokazzjoni finanzjarja ta’ €5 miljun, il-Gvern se joffri benefiċċju sa €410 kull xahar lill-familji b’ċertu dħul biex jikru mill-privat.
L-iskema ġdida se tieħu post is-sussidju ta’ €166 li kien jingħata kull xahar, irrispettivament miċ-ċirkustanzi tal-applikanti jew mid-daqs tal-familja.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal b’din il-miżura tal-Budget li l-benefiċċju se jkun ikkalkulat mhux biss skont id-dħul tal-applikanti imma anki skont id-daqs tal-familja u n-nefqa tagħhom għal kera.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal ”kif se tgħin li ma tistax tikkontrolla dawk il-kirjiet jew ma tridx tikkontrolla dawk il-kirjiet billi twieżen u tgħin lil min għandu għandu kirjiet minn dawk li jista’ jaffordja.”
Bl-iskema ġdida, persuna waħedha li qabel setgħet tieħu sa elf u sitt mitt ewro fis-sena issa tista’ tiġi mgħejjuna b’ammont li jista’ jilħaq tlett elef u sitt mitt ewro. Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu sa’ €1,900 fis-sena issa jistgħu jibbenefikaw sa massimu ta’ €3,600.
L-iskema tipprovdi wkoll massimu ta’ bejn erbat elef u tmien mitt ewro u ħamest elef ewro lill-koppji jew ġenitur wieħed li jgħixu ma’ wild wieħed jew żewġ ulied. Din hija żieda ta’ bejn €2,800 u €3,000 mqabbla mal-ammonti li kienu jieħdu qabel.
Il-benefiċċju l-ġdid se jipprovdi wkoll €125 addizzjonali fis-sena lill-familji li għandhom lil xi ħadd li għandu xi diżabbiltà, u lill-familji li jkunu aktar minn ħamsa.
Familji li jkollhom jgħixu magħhom tfal fostered se jingħataw €300 addizzjonali fis-sena.
Kategorija | Membri tal-familja | Dħul Massimu | Benefiċċju Massimu |
1 | Persuna Waħedha | € 14,700 | € 3,600 |
2 | Ġenitur Wieħed b’wild wieħed | € 19,050 | € 4,800 |
3 | Ġenitur Wieħed b’żewġ ulied jew aktar | € 23,400 | € 5,000 |
4 | Żewġ Adulti mingħajr tfal | € 19,000 | € 3,600 |
5 | Koppja b’wild wieħed | € 23,800 | € 4,800 |
6 | Koppja b’żewġ ulied jew aktar | € 28,600 | € 5,000 |
7 | Tlett Adulti jew aktar jgħixu flimkien | € 27,900 | € 5,000 |
”Benefiċċji soċjali abbażi tal-income tal-familja, abbażi wkoll ta’ numru tal-persuni li jgħixu u skont il-kirja li għandhom… fejn qegħdin jgħixu… u allura imbagħad huma kważi jieħdu percentaġġ ikbar tal-għajununiet finanzjarji u soċjali” qal is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes.
Is-Sur Galdes qal li mistennija japplikaw bejn erbat elef u ħamest elef applikant għall-iskema u l-Awtorità tad-Djar se tiddetermina l-ammont ta’ benefiċċju li jingħata abbażi taċ-ċirkustanzi u l-mertu tal-applikanti.
Qal li dawk li diġà kienu jieħdu s-sussidju se jirċievu l-benefiċċju l-ġdid mingħajr il-ħtieġa li jerġgħu japplikaw.
‘Il fuq minn ħamest elef atleta, żewġ terzi minnhom barranin, kienu fuq ix-xwiek biex għada, il-Ħadd filgħodu, jieħdu sehem fil-maratona ta’ Malta. Iżda b’xorti ħażina, il-maratona tħassret ftit tal-ħin ilu…
F’riċerka għad-dottorat dwar il-kriminalità fil-familji Maltin, Janice Formosa Pace sabet li l-familja tista’ tkun dik li tippromwovi l-kriminalità. Kontra dak li jseħħ fl-Eworpa, f’Malta hija komuni li l-ġenituri u l-ulied…
Waqt logħba tat-Tieni Diviżjoni bejn Oratory Youths u Qala Saints, ir-referee Joseph Agius spiċċa qala’ daqqa ta’ ponn wara li ta żewġ karti sofor lil plejer tal-Qala. Il-logħba li saret…
Il-Fondazzjoni President’s Trust kompliet tqassam tagħmir lil tfal li għandhom diffikultà bil-vista biex tgħinnhom fil-mixja edukattiva tagħhom. B’kollox il-fondazzjoni qassmet b’kemm jiswa €150,000 f’tagħmir tal-informatika lil 65 tifel u tifla….