Ikel
Tista’ tiekol l-għaġin mingħajr ma teħxien

Meta nagħmlu d-dieta, mingħajr ebda gwida ta’ xi ħadd professjonali, l-ewwel ħaġa li nagħmlu hu li ma nieklux iktar għaġin.  Imma din hija idea żbaljata!

Studju riċenti li sar fil-Kanada mit-tobba ta’ St Michael’s Hospital immexxi minn Dr John Sievenpiper juru li l-karboidrati fl-għaġin huma parti minn dieta tajba u saħansitra tista’ titlef il-piż.

Il-pazjenti li ħadu sehem f’dan l-istudju kieku ftit iktar minn 3 porzjonijiet għaġin fil-ġimgħa u tilfu madwar nofs kilo fi 12-il ġimgħa.  Allura skont dan l-istudju, mhux veru li l-għaġin iħaxxen.

Kollox jiddependi mit-tip ta’ karboidrati li fih l-għaġin magħruf bħala glycemic index.  Per eżempju jekk tiekol porzjon ta’ penne jew spaghetti ma jżidux ħafna l-livell ta’ zokkor fid-demm meta mqabbel ma’ ikel ieħor.

Bħall-għaġin hemm il-ħobż, sakemm dan ikun ismar, filwaqt li wieħed għandu jevita l-grissini u l-crackers.  Anke fil-każ tal-għaġin, jekk ikun ismar, bio jew miċ-ċereali huwa aħjar mill-għaġin abjad.

L-aħjar li tiekol l-għaġin ma’ xi proteini, zalza tat-tadam, bil-ħabaq u xi ħaxix li għandu ħafna fibra, kif ukoll legumi bħall-piżelli.  Evita li tiekol għaġin waħdu għax ħafna drabi tkun trid tiekol porzjon ikbar biex tixba, mentri jekk iżżidlu l-ħaxix tixba b’inqas grammi.

Il-porzjon ideali jvarja skont l-età, l-attività fiżika u l-istil tal-ħajja tal-persuna.  Il-medja tal-piż tal-għaġin għandu jkun ta’ bejn 70-80 gramma, iżda tista’ tiekol sa 120 gramma jekk tagħmel ħafna eżerċizzju.

Huwa rrakkomandat li l-għaġin ma ssajrux ħafna, tħallieh ‘al dente’, għax huwa aħjar għad-diġestjoni.  Meta l-għaġin ikun imsajjar ħafna, jgħolli l-livell taz-zokkor u huwa iktar probabbli li teħxien.

Jekk trid iżżomm il-piż li għandek jew ma teħxienx iktar, huwa iktar ideali tiekol porzjon wieħed ta’ għaġin fil-ġimgħa.