Tista’ tipparkja quddiem garaxx?

Kemm il-darba toħroġ filgħodu biex tmur għax-xogħol u ssib karozza tostakola l-garaxx minn fejn trid toħroġ? Il-parkeġġ kien u għadu wieħed mill-akbar problemi f’għadd ta’ żoni residenzjali f’pajjiżna. Xi darba jew oħra kulħadd xi darba tefa l-karozza fin-nofs bil-hazard lights mixgħula, kemm kemm fuq il-bankina jew quddiem xi garaxx għaliex ikollhom xi qadja ta’ malajr. Biss, il-liġi tindika li wieħed ma jistax ifixkel il-mogħdija ta’ persuna, vettura, żiemel jew frat.

Quddiem garaxx li qed jintuża u li hu mmarkat b’mod ċar bħala garaxx ma tistax tħalli karozza pparkjata anki jekk hemm persuna għassa mal-istess vettura. Għalkemm, “garaxx” tirreferi biss għal kull bini wżat speċifikament biex jiġu ggaraxxjati jew ipparkjati vetturi. Dan ifisser li jekk persuna twaħħal tabella ma’ dak li jidher li huwa garaxx iżda dan m’għandux aċċess, f’għajnejn il-liġi dak il-bini ma jkunx meqjus bħala garaxx. F’każ, li ssib karozza ipparkjata quddiem il-garaxx tiegħek għandek iċċempel lil-LESA jew lill-pulizija biex jiġi pprovat li l-garaxx jintuża biex jiġu ggaraxxjati jew ipparkjati vetturi bil-mutur u li l-bini jinkludi drive-in. Wara li dan jiġi vverifikat l-uffiċjal tal-komunità joħroġ multa ta’ €104.82. Apparti hekk l-uffiċjali minn Transport Malta għandhom id-dritt li jirmunkaw il-vettura pparkjata.

Tajjeb li ngħidu li legalment ħadd ma jista’ jiżbogħ xi marki quddiem id-dħul jew il-ħruġ ta’ xi fond immarkat bħala garaxx. Skond il-liġi, persuna li tiżbogħ marki ta’ karreġġata quddiem id-dħul jew il-ħruġ ta’ xi fond immarkat bħala garaxx mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-awtorità tkun ħatja ta’ reat u tista’ teħel multa ta’ €58.23 kif ukoll multa ta’ €11.65 għal kull ġurnata li l-marki tal-karreġġata jitħallew miżbugħa mal-art.