Lokali
Tista’ tonxor, tpoġġi l-pannelli tax-xemx, tagħmel BBQ u x’aktar?

Inbena f’nofs is-seklu 13 fuq fdalijiet ta’ struttura ta’ żmien l-Għarab f’Malta. F’nofs is-seklu 15, il-binja ntirtet minn Micheli de Falsone u minn hemm ħa l-isem ta’ Palazzo Falson. Il-post bidel diversi jdejn sakemm spiċċa għand Olof Frederick Gollcher li baqa’ jgħix fih sakemm miet fl-1962. Wara mewtu, il-palazz inbidel f’mużew pubbliku skont ix-xewqa tiegħu.

Il-Kaptan Gollcher u martu Nella kellhom għal qalbhom it-trobbija tan-naħal u t-tkabbir tal-ħxejjex. Palazzo Falson baqa’ jgħożż dan il-legat billi sar l-ewwel mużew f’Malta li żanżan bejt ekoloġiku bi pjanti indiġeni fosthom is-sagħtar, il-klin u r-riegnu. Il-bejt se jsostni iktar minn 100 speċi ta’ naħal selvaġġ, imma mhux biss.

“Waqt li niftħuh għan-nies, ikollna inqas l-użu tal-air conditioners u anki l-kont tad-dawl. Jgħinna biex jaqtgħalna l-ispejjeż,” qalet Caroline Tonna, il-Kuratur ta’ Palazzo Falson.

Dawn ix-xejriet kienu osservati fl-Università bil-bejt ekoloġiku tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni. Il-Perit Antoine Gatt spjega li l-bjut imħaddra jnaqqsu s-sħana fuq ġewwa u jistgħu jassorbu sa 90% tax-xita li tagħmel f’sena.

“Tfisser inqas għargħar u inqas spejjeż fuq kemm il-pajjiż għax ovvjament meta jkollok l-għargħar għandek l-ispejjeż tal-ħsara li tkun saret,” qal il-Perit Antoine Gatt.

Dan il-bejt ekoloġiku għaddej minn riabilitazzjoni biex ir-riċerkaturi jittantaw ikabbru ħxejjex lokali.

“Bħall-ħass pereżempju, it-tadam li nafu li jirrikjedi ħafna ilma, irridu naraw fejn jidħol kaboċċi hux kapaċi jikbru. Il-herbs nafu li jikbru imma ma nafux eżatt kemm minnhom,” kompla l-Perit Gatt.

Id-Direttur tal-Istandards fl-Awtorità għall-Affarijiet tal-Konsumatur, George Cutajar, ħeġġeġ lill-Gvern biex jinkludi dan il-kunċett fis-sejħiet għall-offerti għal binjiet tiegħu.

“Biex meddiet kbar ta’ bjut jiġi konvertiti fi green roofs. Hemmhekk imbagħad għandek il-pubbliku li jibda janalizza u jara l-benefiċċji ta’ dawn l-istandards u jibni l-green roofs,” qal id-Direttur għall-Istandards fl-Awtorità għad-Affarijiet tal-Konsumatur, George Cutajar.

Is-Sur Cutajar irrimarka li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi tqis li l-bjut imħaddra jgħollu l-valur tal-proprjetà.

“Min se jkun qed jixtri ma jitkellimx iktar fuq swimming pools biss imma li jkollu green roof u arja aperta u jagħmel l-attivitajiet ta’ barra tiegħu,” kompla s-Sur Cutajar.

Dan il-kunċett jista’ jitħaddem anki fit-terrazzini bin-nies ikollhom bħal ġardina bil-pjanti u s-siġar.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi ħatar inkjesta skont il-liġi bil-għan li tistabilixxi l-fatti b’rabta ma’ każ fejn priġunier li ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest, kien rilaxxat mill-ħabs u deher…

Lokali

Il-Maltapost qalet li l-ħidma tagħha għadha ma ġietx lura għan-normal riżultat fost l-oħrajn ta’ tnaqqis b’aktar min-nofs fit-titjirjiet kummerċjali, iż-żieda fix-xiri online u l-akkumulazzjoni ta’ posta f’tliet pajjiżi Ewropej. Il-Maltapost…

COVID-19

Tħassar ukoll il-kunċert ta’ Joseph Calleja li din is-sena kellu jsir fl-4 ta’ Settembru fuq il-Fosos tal-Furjana u li issa mistenni jsir f’format differenti. NnG Promotions, l-organizzaturi tal-kunċert li bħala…

Annimali

Ilbieraħ, il-BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies, li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. Fi stqarrija, il-BirdLife qalet li l-għasfur instab minn familja li…

Aktar