“Tistagħġbux b’min jerġa’ jaqa’ fil-vizzju – huwa parti mill-proċess biex tfieq”

Waqt il-programm ‘Gramma’, din il-ġimgħa, issoktat id-diskussjoni b’rabta mal-pjaga tad-droga fostna. Intqal, fost l-oħrajn, li dak li jkun m’għandux jistagħġeb b’xi ħadd li jerġa’ jaqa’ fil-vizzju l-għaliex meta wieħed jirkadi din tkun ix-xoqqa f’moxtha biex dak li jkun isir aktar midħla tal-vizzju tiegħu, jitgħallem aktar fuqu nnifsu kif ukoll fuq kif għandu jimxi ‘l quddiem.

F’dan l-isfond, il-moħħ wara l-produzzjoni ta’ ‘Gramma’, Clifford Galea, fisser li f’każ li wieħed jerġa’ jaqa’ fil-vizzju tajjeb li min hu qrib dik il-persuna ma jġibx id-dinja fit-tarf hekk kif min hu maħkum mill-vizzju jaf iħossu aktar dahru mal-ħajt u jerġa’ jaqbad it-triq il-ħażina. Minflok, il-produttur qal li dak li jkun għandu jkompli jagħmel kuraġġ lil ħaddieħor bil-għan li jegħleb il-vizzju u jerġa’ jqum fuq saqajh minnufih.

‘Gramma’ qed jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fl-10.30pm fuq Television Malta. Nhar il-Ħadd, it-tielet episodju tas-sensiela.