Xogħol
Tistenniex is-sajf jibda jekk trid l-arja kkundizzjonata!

Mal-bidu tas-sajf, l-aktar meta t-temperaturi jibdew jaqbżu t-30 grad celsius, tiżdied id-domanda għas-sistemi tal-arja kkundizzjonata. L-assoċjazzjoni tal-importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata ffurmata minn disa’ importaturi qed isib diffikultà biex issib ħaddiema kwalifikati f’dan il-qasam u għalhekk daħlet fi ftehim ta’ kollaborazzjoni ta’ tliet snin mal-MCAST.

Sa ftit tas-snin ilu, kienu dawk b’ċertu stat finanzjarju biss li kienu jifilħu jistallaw l-arja kundizzjonata f’darhom.  Bl-avvanzi fit-teknoloġija l-affarijiet inbiddlu u l-arja kkundizzjonata saret aktar affordabbli.

Il-president tal-assoċjazzjoni tal-importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata, Steve Azzopardi qal li d-domanda għall-arja kkundizzjonata żdiedet sewwa tant li jiġu importati għexieren ta’ eluf ta’ airconditioners fis-sena. Ilmenta iżda li l-Maltin iħobbu jħallu għall-aħħar.

“Dik hija waħda mill-uġigħ ta’ ras tagħna, pereżempju din il-ġimgħa bdew it-telefonati għax bdiet is-sħana. X’ħin jidħlu dawn it-telefonati kollha f’daqqa inti tibda timla’ l-order book tiegħek, tibda tagħtihom l-appuntamenti wieħed wara l-ieħor, u jibdew jitwalu. Lulju u Awwissu huma qosra ħafna tagħtihom appuntament tliet ġimgħat u erba’ ġimgħat oħra s-sajf ikun kważi għadda,” qal il-president tal-assoċjazzjoni tal-importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata, Steve Azzopardi.

Skont is-Sur Azzopardi, min jaħseb qabel mhux biss l-istallazzjoni ssir b’aktar galbu imma jaf anke jiffranka l-flus. Huwa spjega li l-klima ta’ Malta u l-varjazzjoni fid-dawl huma l-kawża ewlenija ta’ ħsarat fl-apparat tal-arja kkundizzjonata.

“L-ACs illum saru computers litteralment għandhom ħafna boards, għandhom motherboards li bejn it-temp ta’ Malta li għandu ħafna salinity, jikkorodjaw, qegħdin dejjem kullimkien viċin tal-baħar, bejn forsi dawl ma jkunx stabbli f’xi postijiet jew ikun hemm fluctuations. Illum l-ACs saru jmorru bħalma jmorru l-computers bħalma jmorru l-mobiles m’għadhomx bħal qabel bħalma tmur il-fridge,” kompla Steve Azzopardi.

Is-Sur Azzopardi rrimarka li f’din l-industrija hemm nuqqas ta’ tekniċi kwalifikati u għalhekk l-assoċjazzjoni magħmula mid-disa’ importaturi ffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni ta’ tliet snin mal-MCAST.

“Ħriġna bl-idea li nisponsorjaw lill-istudenti biex inħeġġuhom jidħlu għal dan il-korsijiet inħallsuhom paga minima ħalli nneħħulhom il-piż jew ir-reżistenza li jkomplu jistudjaw u jmorru jaħdmu u fl-istess ħin qed nofrulhom anke xogħol garantit għal tliet snin ta’ wara li joħorġu mill-kors,” kompla Steve Azzopardi.

B’dan il-ftehim l-membri tal-assoċjazzjoni tal-importaturi tas-sistemi tal-arja kkundizzjonata se joffru apprentistat lil 30 student tal-MCAST li jagħmlu diploma fil-Heating, Ventilation and Air-Conditioning.