Lokali
Aġġornat: Titħabbar il-mewt ta’ Alfred Mallia

Tħabbret il-mewt tal-qarrej, edukatur u attur Alfred Mallia li ħalla din id-dinja fl-età ta’ 70 sena.

Mallia kien magħruf l-aktar għall-irwol ewlieni li kellu fl-ewwel serje televiżiva li nħolqot lokalment F’Baħar Wieħed u Leli ta’ Ħaż-żgħir.

Huwa se jibqa’ mfakkar ukoll għall-kontribut li ta lis-settur tal-Edukazzjoni speċjalment dak li għandu x’jaqsam mad-drama.

Fi stqarrija l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, li fost l-oħrajn huwa responsabbli mix-xandir pubbliku, sellem il-memorja tas-Sur Alfred Mallia, li miet nhar il-Ħadd fl-għomor ta’ 70 sena, u jagħti l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.

Il-Ministru Abela jfakkar is-sehem li s-Sur Mallia ta fil-qasam tax-xandir pubbliku, anke bħala qarrej tal-aħbarijiet tat-televiżjoni għal bosta snin, inkluż bl-Ingliż.

Is-Sur Mallia jibqa’ mfakkar għall-karriera twila fl-oqsma tal-edukazzjoni u tat-teatru, inkluż f’sensiliet popolari mxandrin fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali F’Baħar Wieħed u Leli ta’ Ħaż-Żgħir.