Knisja Maltija
Titħabbar l-istemma episkopali tal-Isqof Anton Teuma – il-motto Baqa’ miexi magħhom”

Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed ixxandar l-Istemma Episkopali tal-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma, li nħadmet miċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon (Għawdex).

Kif diġà tħabbar, il-motto tal-istemma episkopali tal-Isqof Teuma – “Baqa’ miexi magħhom” – meħud mill-Vanġelu skont San Luqa, fejn il-Mulej imqajjem mill-mewt jimxi mad-dixxipli fit-triq lejn Għemmaws (Lq 24:13-35), juri l-missjoni tal-Knisja li f’isem Kristu takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja tiegħu, anki fil-mumenti tqal u ta’ dlam.

Bħala element viżiv fl-istemma, li juri din ir-realtà, għandna figura mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten (17:2-6) fejn il-profeta Elija jaħrab u jinħeba fil-wied ta’ Kerit. Hemmekk, il-profeta ppersegwitat u maħrub, li jagħmel esperjenza tal-falliment, iduq il-preżenza u l-providenza ta’ Alla li takkumpanjah fiċ-ċawl li kien iġiblu l-laħam u l-ħobż kull filgħodu u kull filgħaxija.

Il-ħobż huwa figura tal-Ewkaristija, il-Ħobż maqsum li jsir manifestazzjoni u ċelebrazzjoni ta’ Kristu mqajjem mill-mewt; il-Ħobż li jmantni lill-bniedem fil-mixja tiegħu f’din id-dinja lejn id-Dar tal-Missier fis-Sema. Il-Kelma u l-Qsim tal-Ħobż huma l-għemejjel li bihom il-Mulej imqajjem mill-mewt jakkumpanja lid-dixxipli ta’ Għemmaws fil-mixja tagħhom, u jgħinhom joħorġu mid-dlam tad-dubju u n-niket għall-esperjenza tal-Mulej li hu ħaj u preżenti.

Iċ-ċawla li tidher fl-istemma, bil-ħobż f’munqarha u l-ktieb imkebbeb f’difrejha, turi ż-żewġ sinjali tal-preżenza ta’ Kristu li niltaqgħu magħhom fis-silta ta’ San Luqa. Huwa permezz tal-Kelma u l-Ewkaristija li l-Knisja llum tkompli takkumpanja lill-bniedem fil-mixja tal-ħajja, speċjalment meta, bħall-profeta u bħad-dixxipli, il-bniedem tal-lum jagħmel esperjenza talfalliment u d-dubju.

Fin-naħa ta’ isfel tal-iskud għandna rappreżentazzjoni araldika ta’ nixxiegħa tal-ilma. Dan l-ilma huwa sinjal tal-Ispirtu s-Santu li jagħti l-ħajja, ifejjaq u jaħfer id-dgħufija tal-bniedem. Fir-ras tal-iskud naraw l-istemma ta’ Għawdex.

Aġġornamenti dwar il-Programm tal-Inawgurazzjoni tal-Ministeru Episkopali

Intant, fid-dawl tal-miżuri aġġornati maħruġa mill-Awtoritajiet tal-Saħħa u dawk tal-Knisja f’rabta mal-imxija tal-Covid-19, id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tħabbar dawn id-dettalji aġġornati dwar il-Programm tal-Inawgurazzjoni Uffiċjali tal-Ministeru ta’ Mons. Anton Teuma bħala Isqof ta’ Għawdex:

  1. Il-KONĊELEBRAZZJONI TA’ RADD IL-ĦAJR għall-Ministeru Episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex, li kienet ġiet imħabbra għall-5 ta’ Settembru, se tinżamm nhar il-Ħamis 27 ta’ Awwissu, fis-6.30pm, fir-Rotunda ta’ San Ġwann Battista, ix-Xewkija.
    Din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq Xejk TV, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi ta’ Għawdex (YouTube u Facebook).
  2. ĊELEBRAZZJONI TA’ TALB bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni Episkopali ta’ Mons. Anton Teuma, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru, fit-8.00pm, se ssir bil-magħluq fil-Kappella tal-Istitut tal-Familja Papa Ġwanni Pawlu II, il-Belt Victoria. Din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.
  3. Il-KONSAGRAZZJONI EPISKOPALI ta’ Mons. Anton Teuma, nhar il-Ħadd 13 ta’ Settembru, fil-5.30pm, se tinżamm fil-miftuħ fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb. Din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq TVM 2, kif ukoll fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.
  4. L-Isqof il-ġdid Mons. Anton Teuma se jagħmel il-QUDDIESA TAL-INGRESS SOLENNI fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar l-Erbgħa 16 ta’ Settembru, fis-6.30pm. Dakinhar jaħbat il-156 anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Din iċ-ċelebrazzjoni se tkun imxandra fuq il-mezzi soċjali tad-Djoċesi.

Il-programm jibqa’ suġġett għal tibdil u l-possibbiltà li wieħed jieħu sehem tiddependi miċ-ċirkustanzi tal-mument. Għal dettalji aġġornati wieħed għandu jsegwi l-midja soċjali tad-Djoċesi.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar