Enerġija
Titħabbar skema għall-panelli tax-xemx f’barrieri, soqfa kbar u parkeġġi

Fl-ewwel ġimgħa t’Awwissu r-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma se joħroġ skema għal enerġija rinovabbli għal installazzjonijiet f’postijiet kbar bħal barrieri, ‘landfills’ mhux użati u art industrijali fost oħrajn.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li dan se jsir b’investiment ta’ €26 miljun fuq medda ta’ 20 sena.

Hija sostniet li l-mira tal-Gvern hija li l-kontribuzzjoni ta’ Malta għal enerġija rinovabbli mhux biss tilħaq il-mira stabbilita ta’ 11.5% iżda li din tinqabeż.

Wara li xahrejn ilu ġew varati skemi għal enerġija rinovabbli li jiġġeneraw bejn 40 kilowatt sa 1 megawatt b’investiment ta’ €50 miljun fuq 20 sena, il-Gvern issa qed ivara skema oħra għal proġetti li joffru installazzjoni ta’ aktar minn 1 MW sa 16 MW.

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli spjegat li din l-iskema hija mmirata għal investituri li għandhom postijiet kbar, fosthom dawk li għandhom soqfa, parkeġġi tal-karozzi, ‘landfills’ mhux użati u artijiet industrijali.

Il-Ministru Dalli spjegat li l-‘feed in tariff’ għal din l-iskema se jkun ta’ medja ta’ €12ċ7 li jfisser li f’każ ta’ installazzjoni ta’ enerġija rinovabbli ġo parkeġġ tal-vetturi l-allokazzjoni massima se tkun ta’ 16ċ7.

Il-Ministru Dalli qalet li b’dak li tħabbar illum, u l-iskemi varati xhur ilu, ifisser li b’kollox qed jallokaw kapaċità ta’ 47 MW minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli b’investiment totali ta’ €76 miljun fuq perjodu ta’ 20 sena.

“Li qed nagħmlu differenti mis-soltu, li dawn il-proġetti, iddeferenzjajna bejn dawk li huma iżgħar, investituri li jkollhom saħħa finanzjarja inqas, u dawk li għandhom investituri akbar, għax ma ridniex kompetizzjoni bejn investitur żgħir u dak kbir”.

Il-Ministru Dalli qalet li l-iskemi ġew iddisinjati wara li l-Gvern sema’ dak li għandhom bżonn in-negozji u l-industriji, kemm jekk humiex kbar jew żgħar.

Hija spjegat li l-Gvern għandu erba’ miri speċifiċi jiġifieri enerġija affordabbli u nadifa, titjib fl-infrastuttura u innovazzjoni fl-industrija, produzzjoni u konsum responsabbli u li jiġu milħuqa l-miri dwar it-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Dalli kompliet li dan huwa kollu possibbli billi ssir ħidma kollettiva bejn Gvern, privat u l-pubbliku inġenerali.

Hija qalet li l-iskemi ta’ enerġija fid-djar tal-familja qed iħallu fil-bwiet tal-familji Maltin u Għawdxin €9 miljun u żiedet li dawk li skaditilhom l-iskema wara sitt jew tmien snin bdew deħlin fis-sistema tal-‘feed in tariff’ eżistenti għal perjodu ta’ 20 sena.

Il-Ministru Dalli kompliet tgħid li minn din l-estensjoni qed igawdu mal-20,000 familja.