Annimali
Titħajjar tibbalzma l-pets tiegħek wara li jmutu?

Huma bosta dawk li jqisu lill-annimali domestiċi tagħhom daqslikieku huma membri tal-familja. U meta dawn imutu spiss jeħduha bi kbira. Xi wħud ħasbu sabiex jibqgħu jżommuhom magħhom billi jibbalzmawhom. Dawn huma fost l-għasafar u annimali li jinsabu għal wiri fil-Buskett.

Għasafar u annimali bbalzmati ta’ kollezzjonisti privati jinsabu għall-wiri fil-Buskett waqt it-tieni edizzjoni tal-kompetizzjoni organizzata mill-Federazzjoni Maltija ta’ dawn li jibbalzmaw u li għandha mal-150 membru.

Fost l-esebiti f’din il-kompetizzjoni hemm tjur u annimali li mhumiex lokali. L-esebiti ġew aġġudikati minn żewġ esperti barranin wieħed mill-Isvezja u l-ieħor minn Franza.

Il-President tal-Federazzjoni Mark Buhagiar qal li l-esebiti kollha huma legali b’uħud inxtraw minn membri tal-federazzjoni anke wara li mietu fiż-zoo u f’santwarji tal-annimali.

“Hawn ċertu affarijiet li nqabdu legalment minn Malta, affarijiet oħra li ġew ikkaċċjati barra minn Malta imma once li jidħlu Malta għandna dipartiment li jmur jiċċekkja dan it-tajr, u jittaggjawh u pets. Once li l-annimal għandek dritt li żżommu meta jmut għandek dritt li tibbalzmah.”

Is-Sur Buhagiar qal li anke annimali domestiċi li jmutu qed jiġu bbalzmati. Qal li fi tmiem din il-ġimgħa fost il-ħafna attivitajiet li se jkunu għaddejjin, se jkunu qed jibbalzmaw Borka li ġejja mir-razza tal-papri waqt li jsajjru l-laħam tagħha.

Qal li l-proċess tal-ibbalzmar iżomm biss il-ġilda ta’ barra tal-annimal u għalhekk il-laħam jista’ jittiekel. Spjega li l-annimal mejjet jitqaxxar u mbagħad jitneħħielu l-laħam. Wara li l-ġilda tidnaddaf u titnixxef, fiha jiddaħħal manikinn magħmul mill-‘foam’. L-għajnejn normalment jinbidlu ma’ par tal-palstik jew tal-ħġieġ u ħafna drabi jinbidel ukoll il-munqar għaliex il-propju maż-żmien jinxef u jiċkien.

Attivitajiet oħra fil-Buskett jinkludu wirja tal-falkunerija, wirja tal-għasafar tal-għana u kompetizzjoni tal-klieb tal-kaċċa ta’ Malta.