Kronaka
Titkellem għall-ewwel darba mart il-Koħħu – tallega elementi ġodda

Pauline Muscat, mart Vince Muscat (il-Koħħu), tkellmet għall-ewwel darba pubblikament ma’ Reuters fejn qalet li huwa inġust li l-middleman Melvin Theuma jagħti l-evidenza tiegħu kontra żewġha.

Dan qalet huwa inġust l-għaliex kien żewġha li wassal lill-pulizija lejn Theuma u għalhekk għen biex jissolva l-każ.

Fl-istess artiklu, ir-Reuters qed jirrapportaw li f’ġurnata sajfija tal-2017, Vince Muscat wassal lil Alfred Degiorgio f’xi stabbiliment max-xatt tal-Imsida fejn x’aktarx iltaqa’ ma’ Melvin Theuma. Muscat irrakkonta li Degiorgio ma tantx dam wisq u x’ħin reġa’ rikeb fil-karozza informah li daħlitlu biċċa xogħol – li joqtol lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Reuteurs qed jirrapporta dettalji esklussivi li kixef Muscat fil-Qorti bit-tama li jingħata l-maħfra – qal li l-qattiela ngħataw €150,000 biex joqtlu lil Caruana Galizia. b’bomba mixtrija mill-mafja Taljana.  Reuters qed tirrapporta wkoll li Theuma ammetta mal-pulizija li kien il-middleman bejn il-persuni nkarigati bil-qtil u l-persuna/i li ordnaw il-qtil.

Vince Muscat qal li qatt ma kien involut wisq fid-dettalji iżda Degiorgio kien jinfurmah b’dak li ġie diskuss dwar il-qtil. Kien ippjanat li l-ġurnalista kellha tinqatel b’tiri ta’ arma tan-nar iżda l-pjan inbidel għalkollox meta ntebħu li kienet se tkun wisq riskjuża, u ddeċidew minflok li joqtluha b’bomba. Iżda din kienet se tkun operazzjoni diffiċli għalihom billi rari kienet titħalla barra l-karozza li kienet issuq. Iddeċidew li jaqbżu l-ħitan u saħansitra ppreparaw ċinga tapposta biex jikkontrollaw u jżommu l-kelb li kellha. Madanakollu, irnexxielhom iwaħħlu l-bomba taħt is-sedil tal-karozza mingħajr ħafna xkiel meta ġurnata minnhom il-vettura tħalliet ipparkjata barra.

Melvin Theuma ġie arrestat fl-14 ta’ Novembru wara investigazzjonijiet dwar xi logħob tal-azzard fejn offra li jagħti informazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista jekk jingħata maħfra presidenzjali. L-informazzjoni li ta Melvin Theuma wasslet għall-arrest tal-imprenditur Yorgen Fenech.

Fil-ħin li ġej, Theuma mistenni jressaq l-evidenza tiegħu quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.