Qorti
Titlef talba għal kumpens wara li l-karozza nqerdet fi splużjoni ta’ logħob tan-nar

Koppja li kellha l-karozza meqruda għalkollox wara splużjoni f’ontejner li kien fih il-logħob tan-nar kellha t-talba tagħha għall-kumpens miċħuda minn maġistrat wara li din tat it-tort lis-sid talli ħalliha pparkjata qrib tal-kontejner.

Il-koppja Edmond u Daniela Mangion fetħu l-kawża fil-Qorti tal-Maġistrati kontra l-kumpanija tal-assigurazzjoni Mapfre Middlesea plc.

Huma lmentaw li l-kumpanija naqset li tikkumpensahom wara li l-karozza nqerdet bl-isplużjoni li kienet seħħet fit-30 ta’ Ottubru 2016 fil-Gudja.

In-nar kien se jinħaraq dakinhar stess għall-festa tal-Madonna taċ-Ċintura li tiġi ċċelebbrata fl-istess lokalità.

L-isplużjoni (filmat isfel) seħħet għall-ħabta tal-4.30 p.m. u fortunatament ħadd ma weġġa’ fl-inċident.

Edmond Mangion qal li pparkja l-karozza ħdejn il-kontejner għax kienu qed inaddfu s-sit u ma kienx hemm post ieħor fejn jipparkjaha minħabba li fil-bqija tal-għalqa kien hemm wajers tal-logħob tan-nar.

Il-kumpanija rribattiet billi attribwiet it-tort lil sid il-karozza għax daħħalha f’post fejn kien hemm maħżun il-logħob tan-nar.

Il-Maġistrat Nadine Lia tat raġun lill-kumpanija tal-assikurazzjoni u sostniet li Mangion kien jaf li poġġa l-karozza qrib materjal splussiv.

Hija kkonkludiet li huwa kiser l-obbligu kuntrattwali li kellu mal-kumpanija u għalhekk ċaħdet it-talba tiegħu u ta’ martu għal kumpens.

 

Ara wkoll:

 

FILMAT: ħadd ma jweġġa’ fi splużjoni ta’ kontejner b’ħażna ta’ nar fil-Gudja