Titnieda konsultazzjoni pubblika dwar is-saħħa u s-sigurtà waqt avvenimenti pubbliċi

Preżentati numru ta’ rakkomandazzjonijiet f’rapport dwar is-saħħa u s-sigurtà f’attivitajiet pubbliċi. Ir-rapport li ġie kkummissjonat wara l-incident ta’ Paqpaqli għall-Istrina jgħid li l-proċess attwali biex tiġi ogranizzata attivita pubblika huwa sparpaljat u nieqes mit-trasparenza. Ir-rapport jipproponi fost oħrajn li kollox jiġi regolat taħt awtorita waħda iżda d-deċiżjonijiet dwaru ser jittieħdu wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.

Ġie mniedi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar is-saħħa u s-sigurtà waqt avvenimenti pubbliċi. Il-konsultazzjoni li se tibqa’ sejra sat-13 ta’ Frar li ġej qed issir wara li tlesta rapport mill-Kap Eżekuttiv tal-awtorità tas-saħħa u s-sigurtà Dr Mark Gauci.

Ir-rapport li sar fuq talba tal-Ministru Helena Dalli wara l-inċident ta’ Paqpaqli għall-Istrina, sab li l-liġijiet li jirregolaw is-saħħa u s-sigurtà f’attivitajiet pubbliċi huma sporadiċi.

Dr Gauci qal li tinħass il-ħtieġa li dawn jiġu rregolati taħt awtorità li tista’ tkun ġdida jew inkella tissaħħaħ awtorità għas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol. Ma’ Television Malta Dr Gauci esprima l-bżonn li l-Protezzjoni Ċivili jkollhom poteri eżekuttivi fil-prevenzjoni tan-nirien u biex issir liġi dwar x’għandu jsir f’każ ta’ nirien.

Ir-rapport jgħid li għandu jiġi aċċettat l-prinċipju li s-saħħa u s-sigurtà tal-pubbliku għandhom jirbħu fuq kull kunsiderazzjoni oħra billi tittieħed kull miżura raġonevolment prattikabbli.

Waqt li nediet il-konsolutazzjoni pubblika,  il-Ministru Helena Dalli qalet li dan il-proċess se jkun għodda tajba għal dawk li jorganizzaw attivitajiet pubbliċi u oħrajn interessani jagħtu l-ideat tagħhom u anke jelenkaw nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fuq livell prattiku u anke x’jista’ jinbidel.

Il-Ministru Dalli ħabbret li Dr Gauci ser ikompli imexxi kumitat li ħatret biex jagħmel evalwazzjoni tal-proposti li saru biex imbagħad ikunu jistgħu jittieħdu l-passi leġislativi meħtieġa biex tkun indukrat aħjar is-sigurtà tal-pubblika fl-attivitajiet tal-massa.