Unjoni Ewropea
Titnieda l-aġenzija SEM – l-ewwel punt ta’ kuntatt għal tagħrif dwar l-Unjoni Ewropea

L-aġenzija ġdida – Servizzi Ewropej f’Malta – SEM, se tkun qed isservi tal-ewwel punt ta’ kuntatt għall-persuni u organizzazzjonijiet li jkunu jridu jistaqsu dwar aspetti varji tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, qalet li l-isem intagħżel biex ifisser aħjar il-funzjoni ta’ din l-Aġenzija, li qabel kienet magħrufa bħala MEUSAC – Malta-EU Steering & Action Committee.

Mandy Falzon qalet li s-servizzi tal-Aġenzija SEM huma li tinforma dwar l-aħħar zviluppi fl-Unjoni Ewropea, tinvolvi aktar liċ-ċittadini fit-teħid tad-deċizjonijiet u tassisti lill-organizzazzjonijiet jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea. Sostniet li l-aġenzija se tintroduċi servizz ġdid biex twieġeb għall-bżonn li kien jinħass fl-implimentazzjoni tal-proġetti b’fondi Ewropej.

Mill-ewwel ta’ Mejju ta’ 4 snin oħra Servizzi Ewropej f’Malta se tkun qed tmexxi ċentru ta’ informazzjoni Europe Direct b’kofinanzjament mill-Kummissjoni Ewropea u b’hekk tingħaqad ma’ ‘l fuq minn 400 ċentru tal-istess tip madwar l-Ewropa kollha.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li SEM se tkun qed tipparteċipa f’laqgħat tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u taġġorna lill-imsieħba soċjali dwar l-istrateġiji u proposti leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li l-Aġenzija SEM se tibni fuq it-tajjeb li sar mill-MEUSAC iżda se tħares lejn tisħiħ tas-servizzi li l-aġenzija tat matul is-snin.