Saħħa
Titnieda l-istrateġija għas-saħħa mentali 2020-2030

Il-Gvern nieda l-istrateġija għas-Saħħa Mentali għall-għaxar snin li ġejjin. L-istrateġija se tibda tiġi implimentata mis-sena d-dieħla fuq erba’ binarji: promozzjoni; titjieb fis-servizz tas-saħħa mentali; apoġġ lill-qraba li ħafna drabi jġorru l-piż tal-problemi tas-saħħa mentali u l-ħaddiema fis-settur.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kull persuna li tgħix f’Malta għandha dritt għal stat ta’ saħħa mentali b’saħħitha daqs kemm għandha dritt li jkollha saħħa fiżika tajba.

“Aħna rridu nikkrejaw aktar ambjent li wieħed jgħix ħajja tajba anke mentalment, mhux neċessarjament ikollu bżonn il-problemi tiegħu. Imma mbagħad qed niddentifikaw gruppi, żgħażagħ, nies anzjani, immigranti, nies li missew ma’ abbuż ta’ droga jew ta’ alkoħol, li dawn ħa jkollhom bżonn aktar għajnuna biex ma jaqgħux fil-problemi ta’ saħħa mentali. Imbagħad iridu nsaħħu l-komunità jiġifieri aħna hemmhekk għandha pjanijiet ta’ kif inkomplu nagħtu servizzi anke fid-djar tal-pazjenti. Iridu ndaħħlu mediċini ġodda fuq il-formolarju tal-gvern.”

Il-Gvern nieda l-istrateġija għas-saħħa mentali għall-għaxar snin li ġejjin, li fost oħrajn tindirizza l-ħtieġa li meta hu possibbli l-kura tingħata lil hinn mill-isptar.

Il-Ministru Fearne spjega li l-istrateġija taħseb biex il-kura tas-saħħa mentali ma tibqax maqtugħa għaliha, kif kienet għal ħafna snin fl-isptar Monte Carmeli, imma tkun integrata aħjar mal-kura tas-saħħa fiżika.

Il-konsulenta għas-saħħa pubblika, Natasha Azzopardi Muscat qalet li l-istrateġija qanqlet interess tajjeb fost il-pubbliku tant li l-viżjoni li ġiet ippreżentata f’Diċembru nbidlet wara l-konsultazzjoni li saret. Spjegat li se tingħata aktar attenzjoni lill-familja li ħafna drabi ġġorr hi ukoll il-piż tal-problemi tas-saħħa mentali, lill-ħaddiema fis-settur u anke l-użu tal-informazzjoni diġitali fil-qasam tas-saħħa mentali.

Dr Azzopardi Muscat żiedet tgħid li diġà twaqqaf servizz ta’ emerġenza fl-isptar Mater Dei, li se jkompli jissaħħaħ. Fi kliemha l-isptar il-ġdid fuq il-kampus ta’ Mater Dei ser ikun simbolu ta’ kif l-affarijiet se jsiru fil-ġejjieni. Qalet li permezz ta’ dan l-isptar se titneħħa l-istigma minn fuq l-istituzzjoni għall-kura tas-saħħa mentali.

Mistoqsi dwar l-irwol tal-isptar Monte Carmeli f’din l-istrateġija, il-Ministru Fearne qal li bħalissa għaddej xogħol infrastrutturali u titjib għax se jkun hemm bżonnu għal għadd ta’ snin.

“La darba jkollna l-isptar mentali ġdid u la darba jkollna s-servizzi fil-komunità, Monte Carmeli jkun jista’ jinbidel l-irwol tiegħu. Ħa jkun aktar sptar għall-pazjenti li jkollhom bżonn ta’ għajnuna fit-tul b’rijabilitazzjoni u tipi ta’ servizzi bħal dawn.”

L-istrateġija għas-saħħa mentali tibda tiġi implimentata mis-sena d-dieħla, sal-2030.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar