Lokali
Titnieda l-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin

L-Awtorità tat-Turiżmu ppreżentat lill-imsieħba ewlenin u lill-pubbliku l-istrateġija nazzjonali għat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin, maħsuba biex tgħin lill-industrija tirkupra mill-effetti tal-pandemija u tiġġedded bi pjani flessibbli li jevolvu skont ċirkostanzi ġodda.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li Malta trid tkun lesta għall-kapitlu ġdid b’suq turistiku li jopera f’realtajiet ġodda waqt li serraħ ras l-operaturi u l-imsieħba fl-industrija li se jibqa jkollhom is-sostenn tal-gvern.

Tnediet l-istrateġija għall-industrija tat-turiżmu bi pjan ta’ ħidma għall-għaxar snin li ġejjin li se jiffoka fuq l-irkupru tas-settur, u t-tkattir ta’ niċeċ turistiċi speċjalizzati li jġibu lejn Malta turisti ta’ kwalità.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li wieħed irid ikun kurraġġuż biex jaġġusta u jaddatta għaċ-ċirkustanzi ġodda filwaqt li jibni ġejjieni msejjes fuq turiżmu sostennibli, responsabbli u ta’ kwalità.

Qal li l-gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-industrija, b’mod partikolari waqt il-perjodu tal-irkupru meta Malta terġa’ tibni l-konnettivita bl-ajru u tattiva’ strateġiji fis-swieq antiki u ġodda. Aċċenna li f’suq kompettitiv u bid-destinazzjonijiet lkoll għatxana li jattiraw it-turisti wara l-Covid, il-kwalita’ mhix se tkun għażla imma neċessità.

“Aħna qed ngħidu li t-turist li jiġi f’pajjiżna jkollu esperjenza ta’ kwalità u allura hemmhekk irridu naraw xi sfidi hemm biex indawruhom f’opportunitajiet għal pajjiżna u anki f’opportunitajiet għal-investituri ġodda biex dawk li jinvestu ikunu jafu x’direzzjoni se jieħu pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin u l-investiment ikun direzzjonat biex jagħmel sens għall-investitur, għall-pajjiż, u anki għat-turisti li jżuru pajjiżna”.

Mistoqsi x’direzzjoni se tieħu l-istrateġija għall-għaxar snin li ġejjin, hu qal li hemm pjani biex jitkattru niċeċ partikualri fosthom dawk fil-qasam reliġjuż u sportiv, flimkien mat-tnedija ta’ kampanji speċjalizzati li jkunu ffokati fuq il-mezzi diġitali biex jattiraw lejn Malta turisti minn swieq ġodda.

“Għandna l-faith tourism bħala pajjiż kapaċi nittapjaw suq Amerikan fejn hemm miljuni ta’ kattoliċi u xħin qed jisimgħu b’pajjiżna l-interess huwa kbir. hemm sports tourism, pajjiżna jista jattira ċiklisti., persuni li jiġru, għawwiema u kajaking . . . . pajjiżna għandu jkun quddiem nett biex jattira lil dawn lejn pajjiżna u bħalissa għaddej ukoll studju fuq niċeċ oħrajn li nistgħu nattiraw u fil-ġimgħat li ġejjin se nħabbru wkoll dawn in-niċeċ.”

Il-Ministru Bartolo qal li l-investimenti li kienu qed isiru fil-lukandi u l-infrastruttura baqgħu għaddejjin normali minkejja l-Covid u jittama li s-sajf jimmarka l-bidu lejn in-normalità.