Lokali
Titnieda l-istrateġija tal-ugwaljanza bejn is-sessi

Tnediet l-Istrateġija tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2020 u 2025 mill-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli.

Fi stqarrija, il-Ministru u s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, Edward Zammit Lewis u Rosianne Cutajar fissru dan il-pass meħud mill-Kummissjoni Ewropea bħala aħbar pożittiva li permezz tagħha se tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni filwaqt li tissokta l-ħidma għal soċjetà inklussiva għall-komunità LGBTIQ+.

“L-istess strateġija tkompli ssaħħaħ ix-xogħol li qed nagħmlu fuq il-qasam tal-ugwaljanza u l-libertajiet ċivili, partikolarment fil-qasam ta’ rappreżentanza femminili u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Kburi li l-Kummissarju Malti ħa dan il-pass u li l-esperjenza vasta li għandha ma ntilfitx, liema esperjenza qed igawdu minnha mhux biss iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin iżda anke dawk Ewropej.” Il-ministru jinsab kommess li jkompli jaħdem favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza,” qal il-Ministru Zammit Lewis.

“Din l-istrateġija hija essenzjali sabiex id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+, mhux biss f’Malta iżda fi stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea, ikunu mħarsa. Tajjeb naċċennaw li mhux kull pajjiż għandu l-liġijiet li għandna aħna, b’hekk hemm bżonn strateġija bħal din.” Is-segretarju parlamentari faħħret din l-istrateġija li hija waħda ta’ viżjoni u neċessarja sabiex naċċertaw li kulħadd jgħix b’dinjità u liberu minn kull tip ta’ diskriminazzjoni,” qalet is-Segretarju Parlamentari Cutajar.