Lokali
Titnieda l-white paper dwar il-kera tal-proprjetà

Il-Gvern nieda white paper għas-suq tal-kera bil-ħsieb ewlieni li s-suq tal-kera ikun regolarizzat biex ikun hemm aktar stabbiltà, trasparenza u sigurtà billi fost oħrajn jobbliga li l-kuntratti tal-kera jkunu reġistrati. Il-miżuri proposti japplikaw għall-kirjiet residenzjali biss u ma japplikawx għal kirjiet ta’ qabel l-1995.

Il-white paper fuq is-suq tal-kera tipproponi fost affarijiet oħra kuntratti iktar fit-tul għal iktar stabbilità, reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera, u perjodu ta’ avviż meta s-sid ikun irid itemm il-kirja.

Dr Kurt Xerri, avukat speċjalizzat fil-qasam tal-propjetà u li ħadem fuq din il-white paper, qal li kuntratti tal-kera iktar fit-tul li huwa tajjeb għaż-żewġ naħat. Qal li mir-riċerka li saret jidher li ħafna kirjiet kienu qed ikunu sitt xhur jew sena biss.

Dr Xerri spjega li l-Gvern mhuwiex se jistabilixxi l-prezz u t-tul tal-kirja li qal jistgħu jiġu stabbiliti wara l-konsultazzjoni pubblika fuq din il-white paper. Spjega li s-sid mhux se jkun obbligat iġedded il-kuntratt tal-kirja sakemm jagħti avviż ta’ żmien xieraq lill-inkwilin, liema żmien se jiġi stabbilit ukoll wara l-konsultazzjoni tal-white paper. Dr Xerri qal li ż-żidiet iridu jiġu ikkontrollati, u għalhekk qal li minn sena għal sena dawn ikunu skont l-indiċi tal-prezzijiet tal-propjetà, u jekk dan jaqbeż ċertu ammont ikun hemm ammont massimu li bih tiżdied l-kirja.

Dr Kurt Xerri qal “qegħdin f’din il-white paper nipproponu żewġ mudelli, wieħed li jagħti durata minima obbligatorja u l-ieħor li jipprova jinċentiva kirjiet itwal permezz ta’ mezzi fiskali. Sintendi rridu l-feedback issa biex naraw għal liema mudell is-suq l-iktar li jista’ jadatta u liema wieħed fl-aħħar mill-aħħar jista’ jagħti stabbilità lill-familji tagħna.”

Bir-reġistrazzjoni obbligatorja tal-kuntratti tal-kera, id-drittijiet u d-dmirijiet tas-sid u tal-inkwilin se jsiru formali u trasparenti. L-avukat Xerri spjega li l-white paper tgħid li għandhom jiddaħħlu penali f’każ li l-kuntratt ma jkunx reġistrat. Qal li bħalissa s-suq privat mhux jipprovdi għall-kirjiet ta’ bejn l-€400 u s-€700. Għalhekk hemm proposta ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat, biex ikun provdut housing affordabbli.

Il-white paper tistabilixxi wkoll li mal-kuntratt tal-kera li se jibda jiġi reġistrat fl-Awtorità tad-Djar, se jibdew jiġu preżentati żewġ formuli tal-Arms. Waħda tindika kemm ikun hemm persuni jgħixu fid-dar, u l-oħra tawtorizza lill-inkwilin li jkun jaf kemm ikkonsma dawl u ilma mingħajr ma jkollu l-ħtieġa li jaqleb it-titlu tal-meter fuqu. Dr Xerri spjega li għal iktar effiċjenza fis-suq, l-Awtorità tad-Djar se tipprovdi mekkaniżmu biex jissolva tilwim żgħir bejn is-sidien u l-inkwilini.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li llum hawn 40,000 dar li qed tinkera f’Malta u sostna li llum il-Gvern għandu studju xjentifiku fuq is-suq tal-kera li minnha bena din il-white paper. Qal li l-għan tal-Gvern hu li jkun hawn stabbilità, sigurtà u trasparenza fis-suq kemm għas-sidien kif ukoll ghall-inkwilini. Is-sur Galdes sostna li l-Gvern ma riedx jintervjeni fis-suq billi jiffissa l-prezz tal-kirjiet.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal “nemmnu li għandna nħallu l-flessibbilità fis-suq. Illum m’għadux żmien il-passat kif kien 30, 40 sena ilu, imma anke l-forom tal-familja qed jinbidel, l-attitudni versu l-propjetà tan-nies qed tinbidel ukoll, imma xtaqna li nħallu lis-suq ikompli jaħdem b’mod liberu u jkompli jikkontrolla lilu nnifsu.”

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fakkar li kuntratt ta’ kirja jorbot kemm lis-sid u lill-inkwilin, għalhekk qal li jekk iż-żmien tal-kirja jintrabat pereżempju għal tliet snin, dan ikun jorbot ukoll lill-inkwilin.

Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li hawn nies li jgħixu realtajiet bħalma huma dawk li qed jiddivorzjaw ta’ madwar 50 sena u għalhekk ikun diffiċli ħafna għalihom li jixtru dar minħabba li l-banek ma jagħtux self. Sostna li t-tensjoni fis-suq tal-propjetà dejjem kienet hemm u hi riżultat ta’ liġi li nżammet sal-1995.

Il-miżuri proposti fil-white paper japplikaw għall-kirjiet residenzjali u ma jaffettwawx kirjiet kummerċjali, short lets u kuntratti ta’ kirjiet li saru qabel l-1995. Il-konsultazzjoni fuq il-white paper tibqa’ sejra sal-aħħar ta’ Novembru.

White Paper Rental Market

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indirizza l-forum dinji fejn ħabbar li għaxar operaturi tal-kannabis mediċinali kienu approvati mill-Malta Enterprise u anke se japplikaw mal-Awtorità tal-Mediċini biex jingħataw liċenzja. Dr Muscat qal…

Lokali

Riesqa lejn l-aħħar il-Presidenza ta’ Marie-Louise Coleiro Preca, bil-President Marie Louise Coliero Preca tiddeskrivi l-poplu Malti bħala wieħed ġeneruż li jaf jogħla ‘l fuq mill-argumenti u jingħaqad flimkien biex jesprimi…

Lokali

Il-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta beda jiltaqa’ f’Malta u qed jiddiskuti proposti biex isaħħaħ il-vuċi tal-Maltin imferxa f’diversi komunitajiet madwar id-dinja. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru Carmelo Abela qal li…

Aktar