Saħħa
Titnieda r-raba’ edizzjoni tal-Pink October bit-tema Affaċċja l-Biża’

Ottubru huwa x-xahar iddedikat biex jiżdied l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider. F’Malta diversi għaqdiet ingħaqdu biex jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni dwar il-kanċer tas-sider u jiġbru fondi biex jitkompla programm li jikkumplimenta l-kura konvenzjonali li tingħata lill-pazjenti bil-kimoterapija u l-mediċini.

Il-Fondazzjoni Marigold, flimkien mal-għaqda Europa Donna Malta ser jaħdmu spalla ma’ spalla f’attivitajiet biex iżidu l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider li huwa l-aktar kanċer komuni fost in-nisa.

Fit-tnedija tar-raba’ edizzjoni tal-Pink October, ix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, iċ-Chairperson tal-Marigold Foundation Michelle Muscat qalet li t-tema magħżula din is-sena hija “Affaċċja l-Biża'” (“Face the Fear”). Qalet li t-tema twassal messaġġ biex in-nisa ma jibzgħux jagħmlu screening tal-kanċer tas-sider għax għad hemm uħud li jinjoraw l-istedina li jsirilhom għal dan mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Michelle Muscat qalet “bħas-sena l-oħra qegħdin inkunu daqsxejn aktar bold man-nies biex niċċelinġjawhom ftit – x’inhi l-biża’ li dak li jkun qed iħoss? Biża’ li ma jafx jew biża’ li ma jafx kif ser jieħu ħsieb tiegħu nnifsu? Biża’ minn xiex għandha tkun? Mit-testijiet? It-testijiet ma jweġġgħux nies, huma komdi, huma affarjiet li kulħadd jista’ jagħmlu, allura l-biża’ għandna bżonn nikkwantifikawha; għandna bżonn naraw għalfejn din il-biża’ qed tieħu over.”

Is-Sinjura Muscat qalet li l-fondi miġbura matul il-kampanja ser jintużaw biex jitkompla programm li beda s-sena li għaddiet li jikkumplimenta l-kura li tingħata lill-pazjenti bil-kimoterapija.

“Pazjenti, meta jiġu diagnosed mhux biss nagħtuhom il-kura oltre minn hekk – jekk għandhom bżonn jieqfu mit-tipjip, imorru għal kors tat-tipjip; jekk għandhom bżonn weight loss, jagħmlu weight loss programe; jekk għandhom stess relief, għajnuna psikoloġika” qalet Michelle Muscat.

Mart il-Prim Ministru qalet li l-kampanja Pink October hemm għadd ta’ attivitajiet ippjanati biex ikabbru l-għarfien dwar il-kanċer tas-sider fosthom, fl-iskejjel biex sa minn età żgħira jitkattar l-għarfien dwar il-kanċer. Is-Sinjura Muscat qalet li fost l-attivitajiet ser issir il-Bikeride, li għall-ewwel darba ser tibda f’Malta u tissokta f’Għawdex.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Persuna ttieħdet l-isptar għall-kura wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Qala, f’Għajnsielem, Għawdex. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ dalgħodu meta għal xi raġuni l-persuna tilfet il-kontroll…

Tfal

Aktar minn 60 tifel u tifla li jattendu l-iscouts ta’ Tas-Sliema ngħataw opportunità oħra biex jiffurmaw il-karattru tagħhom filwaqt li jitgħallmu għadd ta’ ħiliet neċessarji għall-ħajja. It-tfal bħalissa qed iqattgħu…

MEUSAC

Fl-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika fl-Unjoni Ewropea, 82% tal-Maltin intervistati qalu li jħossu li huma ċittadini tal-Unjoni. U 76% minnhom qalu li jixtiequ jkunu jafu aktar dwar id-drittijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea….

Aktar