Vjolenza domestika
Titnieda t-tieni strateġija dwar il-vjolenza domestika

Tnediet l-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għall-2021-2022.

Din it-tieni strateġija għandha l-għan li taddotta r-rakkomandazzjonijiet tal-GREVIO kif ukoll issegwi l-erba’ pilastri stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Istanbul: il-prevenzjoni, il-protezzjoni, il-prosekuzzjoni u l-politika integrata dwar il-vjolenza domestika.

Fil-15-il xahar tal-pandemija n-numri ta’ rapporti ta’ vjolenza domestika żdiedu.

Qalet dan ma’ TVM il-Kummissarju għall-Vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika Audrey Friggieri li spjegat kif fil-pandemija aggravat l-abbuż u l-vjolenza f’relazzjonijet li diġà kienu problematiċi.

Friggieri qalet ma’ TVM li pari passu maż-żieda fil-rapporti, il-Kummissjoni żiedet is-servizzi offruti lill-vittmi.

“Il-pubbliku sar għandu aktar fiduċja li meta jmur se jsib min jisimgħu, min jittratta miegħu b’ċertu sensittività, forsi qabel kienu jitkellmu fuq problemi intimi u kienu jittrattawahom bħala reat kwalunwke. Huwa reat imma huwa reat speċifiku”

Fit-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għall-2021-2022, li mistennija tibni fuq l-ewwel strateġija li kienet tkopri t-tlett snin li għaddew, Friggieri saħqet li din ir-realtà ma tistax tibqa’ titqies bħala materja privata għaliex taffetwa s-soċjetà kollha.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis elenka numru ta’ inizjattivi li ttieħdu f’dan ir-rigward fosthom it-tnedija ta’ servizz ta’ għajnuna legali speċjalizzat, bla ħlas u miftuħ 24 siegħa kuljum għall-vittmi.

“Mhux biss investiment iżda jrid ikun hemm ‘mentality shift’ biex nifhmu li l-vjolenza domestika mhux aċċettata u mhux aċċettabli f’soċjetà moderna”.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li kull min huwa involut f’dan is-settur għandu jaħdem f’sinerġija b’imħabba u kompassjoni mal-vittmi u t-tfal.

“Mal-mument li tmur tfittex l-għajnuna, għaliex tkun vittma, lil dik il-persuna għandna nħarsu lejha bħala uman li qed tfittex għajnuna u għalhekk għandna nagħtuha l-imħabba u l-kompassjoni”.

Dr Abela qalet li din l-istrateġija mhux biss tibni fuq dik ta’ qabilha iżda tagħti wkoll il-ħajja lil diversi rakkomandazzjonijiet tal-GREVIO, li huwa grupp ta’ esperti fil-Kunsill tal-Ewropa li jara li jitwettqu l-obbligi u jiġu osservati l-liġijiet f’dan ir-rigward.

Hija saħqet ukoll li fl-aħħar xhur saru diversi bidliet għax il-Gvern jemmen fihom u konvint li se jtejbu l-ħajja tal-vittmi.