Lokali
Titwaqqaf assoċjazzjoni biex issalva opri tal-baħar tradizzjonali Maltin

L-opri tal-baħar Maltin huma parti minn tradizzjoni li Assoċjazzjoni li twaqqfet apposta qed tipprova ssalva biex ma jintilfux għal dejjem. L-Assoċjazzjoni tal-Opri tal-Baħar Tradizzjonali ta’ Malta qed tirriċerka kull opra tal-baħar li tiġi għandha biex isirilha r-restawr meħtieġ u terġa tibda tbaħħar.

L-opri tal-baħar tradizzjonali Maltin ser ikunu salvati bil-ħidma li ser twettaq l-Assoċjazzjoni tal-Opri tal-Baħar ta’ Malta. Il-luzzu, il-Firilla, il-Fregatina, il-Kajjik, id-Dgħajsa tal-Latini, l-Ixprunara, il-Gig, il-Barkun u d-Dgħajsa tal-Pass jinsabu kollha taħt għajnejn l-Assoċjazzjoni għax din trid li dawn jibdew jerġgħu jintużaw u jidhru fil-baħar. Dawn l-opri jeħtieġu manutenzjoni kontinwa minħabba li huma magħmula mill-injam.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Opri tal-Baħar Tradizzjonali ta’ Malta, Noel Demicoli qal “għan ieħor tal-Assoċjazzjoni huwa li ssib dgħajjes li għandhom bżonn restawr jinxtraw mill-Assoċjazzjoni, jiġu restawrati, jerġgħu jiġu armati bil-qlugħ kif tradizzjonalment jintużaw u jiġu rritornati fil-baħar, jiġifieri flok għandek opra tal-baħar li qed tħares lejha bħala static display qed tara xi ħaġa ħajja u taħdem kif suppost kienet taħdem”.

L-Asscoċjazzjoni li għadha kemm kienet iffurmata wara li għadd ta’ delettanti u sidien esprimew dan il-ħsieb fuq il-midja soċjali anke qed tixtri l-opri tal-baħar biex tirrestawrahom tant li l-ewwel Firilla nġiebed minn Għawdex.

“Għadna kemm akwistajna firilla li saret rari ħafna fil-gżejjer Maltin tixbah ħafna lil luzzu. Din il-firilla tinstab f’kundizzjoni li għandha bżonn restawr u l-Assoċjazzjoni xtratha u niżżilnieha minn Għawdex il-ġimgħa li għaddiet biex nibdew nirrestawrawha u nirritornawha lura fl-istat oriġinali tagħha armata bil-qlugħ, bit-tarkija u nużawha fil-baħar.”

Minħabba li dawn l-opri rari għadhom jintużaw l-Assoċjazzjoni qed taħdem biex ikollha informazzjoni preċiża dwar dawn l-opri.

“Nitkellmu ma’ nies anzjani , sajjieda, nies li kienu jbaħħru biex nieħdu ideat kif kienu jintremgħu dawn id-dgħajjes u nistudjaw wkoll ħafna ritratti jew pitturi antiki li juru dawn id-dgħajjes bil-qlugħ”.

Is-Sur Demicoli appella biex kull min għandu xi opra jista’ jingħaqad mal-Assoċjazzjoni permezz tal-paġna tagħhom tal-Facebook biex tinġabar aktar informazzjoni u dawn l-opri jkunu jistgħu jitgawdew mill-ġenerazzjoni li telgħin ħalli ma tintilifx din it-tradizzjoni li tat karattru lill-poplu Malti.