Kultura
Titwaqqaf fondazzjoni biex tieħu ħsieb il-Knisja tal-Ġiżwiti fil-Belt

Fondazzjoni ġdida li twaqqfet bejn il-Knisja u l-Gvern ingħatat ir-responsabiltà li tieħu ħsieb il-Knisja tal-Giżwiti fil-Belt Valletta.

Din il-Knisja għandha storja rikka kemm fuq livell kulturali kif ukoll religjuż.

Il-Knisja u l-Gvern waqqfu fondazzjoni ġdida għall-Knisja tal-Giżwiti fil-Belt Valletta biex din il-gawhra arkitettonika Barokka ma jibqax jiġrilha ħsara u anke jitnieda programm ta’ restawr estensiv fosthom tal-opri tal-arti li jinkludu lil Mattia Preti.

Il-ftehim biex titwaqqaf il-Fondazzjoni għall-Knisja tal-Giżwiti sar wara tliet snin ta’ negozjati bejn iż-żewġ naħat.

Fr Nicholas Doublet sostna li fil-Knisja tal-Giżwiti saret ħidma pastorali kbira minn persuni rikonoxxuti mill-Knisja bħala qaddisin jew beati u anke kien ordnat isqof li wara sar Papa.

“Hawnhekk ġie ordnat inkwiżitur Fabio Chici li kien ordnat isqof li mbagħad sar Papa bl-isem ta’ Alessandro VII. Minn din il-knisja għaddew nies li l-Knisja Kattolika tirrikonoxxihom bħala beati jew qaddisin bħal Labre u l-Beatu Nazju Falzon. Hawnhekk wettaq l-appostolat tieghu ta’ evanġelizzazzjoni Dun Ġorġ Preca. Ilkoll għaddew minn din il-Knisja tal-Ġiżwiti”.

L-Isqof Joe Galea Curmi qal li l-Knisja tal-Ġiżwiti hija gawhra kulturali li trid titħares biex il-ġenerazzjoni preżenti tapprezza l-patrimonju reliġjuż li għandu l-pajjiż waqt li jkun imħares għall-ġenerazzjonijiet li telgħin.

“Il-fondazzjoni bejn il-Knisja u l-Gvern u l-iskop huwa biex tieħu ħsieb l-amministrazzjoni, tara naqra r-restawr li hemm bżonn għax hawn ħafna bżonn ta’ restawr u b’dan il-mod tħares il-patrimonju sabiħ kemm bħala arkitettura u l-opri artistiċi li hawn”.

Il-Ministru tal-Kultura Josà Herrera qal li l-Gvern għandu responsabiltà li l-patrimonju kulturali ikun imħares bl-aħjar mod possibli. Huwa qal li fi proġetti varji ta’ restawr u manutenzjoni diġà ntefqu madwar €4 miljun.

“Biex immexxu l-Fondazzjoni ‘per se’ l-Istat u l-Knisja kkommettew ruħhom li jagħtu donazzjoni kull ħames snin ta’ €300,000. Dak huwa sempliċiment għall-amministrazzjoni però naturalment il-Fondazzjoni trid tagħmel għamlet il-Fondazzjoni ta’ San Ġwann u tiskopri metodi hi kif tista’ tiġġenera flus għaliha nnifisha u naħseb jirnexxielha għax il-valur arkittettoniku u kulturali u patrimonjali ta’ dan is-sit huwa kbir kważi daqs tal-ieħor”.

Il-ftehim kien issiġillat b’kuntratt bejn ir-rappreżentanti tal-Istat u tal-Knisja biex issa tibda ħidma intensiva biex il-Knisja tal-Giżwiti tkun apprezzata ferm aħjar kemm mill-poplu Malti kif ukoll mit-turisti li jżuru l-belt kapitali Maltija.