Lokali
Tixtieq li jibqgħu jiftakru fiha bi tbissima

Doreen Cassar, omm ta’ 46 sena li tiflet il-ġlieda tagħha kontra l-kanċer appellat lil dawk li marru l-funeral tagħha biex jibqgħu jgħożżuha u jiftakru fiha bi tbissima.

Il-qabla ta’ 46 sena, li kienet maħbuba minn ħafna nies kitbet ittra biex tinqara waqt il-funeral tagħha.

F’Ħal Balzan, fi Knisja maħnuqa bin-nies, inqrat l-ittra li tista’ tiġi deskritta bħala ittra ta’ fidi fil-Mulej u ta’ tama.

Minkejja l-marda li ġarret fuqha, Doreen qatt ma naqasha l-ferħ anke jekk kienu jiġu fuqha mumenti koroh u kienet tistaqsi għala hi. Fl-ittra Doreen tesprimi li kienet tħoss qalbha wieqfha u ma tħossx saqajha meta kienet tintebaħ li m’hemmx kura għaliha. “Tħossok ġo ħolma, ħolma kerha li diffiċli tiddeskriviha” qalet Doreen. Madankollu quddiem din is-sitwazzjoni, Doreen tgħid li kellha żewġ għażliet: jew li toqgħod id-dar tistenna l-mewt teħodha jew li tibqa’ tiġġieled u tittama. “Il-ħajja hija ġlieda kontinwa u ara ma jfettilkomx ikollkom problema ta’ saħħa u ma tiġġildulhiex” esprimiet Doreen.

Minkejja li mietet t’età żgħira, Doreen tħossha kburija li f’ħajjitha għamlet kollox u kellha kollox – “għax mhux kemm snin tgħix imma kif tgħix”.

Il-fidi tagħha f’Alla ma naqsitha qatt hekk kif tistqarr li fuq kollox u kulħadd kellha lill-Mulej tul il-vjaġġ tagħha u fih sabet il-vera paċi.

Ir-riċetta tal-ferħ u l-paċi tagħha jinsab fl-appell imqanqal tagħha: “taħlux ħajjitkom fuq x’tagħmel dik u x’jagħmel dak. Għixu ħajjitkom ferħanin u għixuha to the full. Stress żejjed ma jagħmilx ġid.

Hija dawret ħarsitha fuq il-ġenituri u qaltilhom biex ma jkunux moħħhom biss fuq l-iskola iżda għandhom iħeġġu lil uliedhom biex jidħlu fix-xena sportiva u juru interess fil-qasam kulturali.

Il-ferħ f’qalbha joħroġ fil-vers li kitbet biex ineħħu l-gdiedem u joħorġu mill-Quddiesa tal-funeral jitbissmu waħda għaliha”.

 

 

Din hija l-ittra sħiħa ta’ Doreen Cassar

Ikolli ngħid Ħal Balzan qatt ma ra nies daqshekk f’din iċ-ċelebrazzjoni
ta’ ħajja. Xtaqt ngħix iżjed imma ħakmitni marda li kulħadd mwerwer
li se taqbad lilu.
Però, kburija li avolja miet żgħira f’ħajti għamilt ħafna u kelli kollox.
Għax mhux kemm snin tgħix imma kif tgħix. Trobbija tal-ġenn, sirt
Midwife, żwieġ, tlett itfal li jien ħa nkun qed nidher f’ħajjitkom u fuq
kollox u kulħadd kelli lill-Mulej tul il-vjaġġ tiegħi. Fih sibt il-vera
PAĊI…
Ħadd ma basar li wara 5 snin nieħu ħsieb lil Valerie, il-kanċer kellu
jaqbad lili wkoll. Imma l-pjanijiet tal-Mulej kultant ma tifimhomx.
Taħlux ħajjitkom fuq x’tagħmel dik u x’jagħmel dak. Għixu ħajjitkom
ferħanin… għixuha to the full. Stress żejjed ma jagħmilx ġid. Tkunux
ġenituri moħħkom fuq skola biss, ħeġġuhom lit-tfal għall-Isports jew
għall-kultura. Gawdu l-ħajja flimkien għax waħda biss għandna u
apprezzaw lil xulxin. Neħħu l-gdiedem. Oħorġu min hawn u tbissmu
waħda għalija. Life goes on u għixu kull sekonda li tistgħu bi tbissima
fuq wiċċkom.
Kelli mumenti koroh u kont ngħid għaliex jien? Tħossok qalbek
waqfet u saqajk ma tħosshomx meta tinduna li kura għalik m’hemmx.
Tħossok ġo ħolma, ħolma kerha li diffiċli tiddeskriviha. Kelli 2
għażliet: nintefa id-dar nistenna l-mewt toħodni jew li nibqa’
niġġieled u nittama. Il-ħajja hija ġlieda kontinwa. U ara ma
jfettilkomx ikollkom problema ta’ saħħa u ma tiġġildulhiex!
Ħudu ħsieb saħħitkom, ħudu ħsieb lil xulxin, ibqgħu magħqudin fil-Mulej
u ħudu gost għalija. M’hemmx dwejjaq u biki. Ftakru
f’Doreen!
Grazzi lill-familja, qassisin, ħbieb, girien, ommijiet li kont magħkom
waqt il-ħlas, kollegi tax-xogħol, tobba, ħbieb tal-Basketball, ħbieb tal-iskola,
ħbieb fuq Facebook u kull min jafni għall-kuragg li dejjem
tawni.
Saħħa,
Doreen

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-qorti ordnat kumpens ta’ €463,465 għal tfajla li spiċċat fuq siġġu tar-roti wara inċident fil-Qawra. It-tfajla; Vladyslava Kravchenko, disa’ snin ilu kienet f’party ħdejn Fra Ben, meta l-apparat tad-dawl waqa’…

Lokali

Mara ta’ 68 sena sofriet ġrieħi gravi wara li ttajret f’San Ġwann. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.15 fi Triq Birkirkara. Il-Pulizija marru fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li mara ta’…

Lokali

Bil-festini tal-Milied jinsabu fl-aqwa tagħhom, għadd ta’ entitajiet ngħaqdu flimkien f’kampanja preventiva biex min se jixrob ma jsuqx għax fi kliemhom il-ħajja mhijiex logħba. Il-ħajja mhix logħba . . ….

Lokali

L-MUT u l-MCAST se jkomplu jitkellmu sabiex tinstab soluzzjoni Il-Union tal-Għalliema, l-MUT, issospendiet id-direttiva biex nhar il-Ġimgħa jsir strajk ta’ ġurnata mill-għalliema fl-MCAST minħabba nuqqas ta’ qbil dwar il-ftehim kollettiv…

Aktar