Barranin
Tiżdied it-tensjoni bejn l-AstraZeneca u l-UE dwar l-allokazzjoni tat-tilqima

L-Awstralja talbet lill-Kummissjoni Ewropea biex tirrevedi d-deċiżjoni tal-Italja li timblokka l-esportazzjoni ta’ kwart ta’ miljun doża tal-AstraZeneca lejn il-pajjiż.

Din hi l-ewwel darba li bdew jintużaw regoli ġodda li jippermettu projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-prodotti mill-Unjoni Ewropea jekk il-kumpaniji tal-farmaċewtika ma jonorawx l-obbligi tagħhom dwar it-tqassim tad-dożi mal-blokk Ewropew. Din il-kwistjoni kompliet iżżid it-tensjoni bejn l-AstraZeneca u l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea dwar id-dewmien fl-allokazzjonijiet mwegħdin mal-blokk Ewropew.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, qal li għalkemm talab għal reviżjoni mill-Kummissjoni Ewropea, jifhem id-deċiżjoni li tat-Taljani.

L-Italja spiċċat għarkupptejha bil-pandemija. Id-deċiżjoni li timblokka l-esportazzjoni lil hinn mill-Ewropa sabet l-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea. Fl-Italja ġew irreġistrati madwar 3 miljun każ tal-Covid-19 u l-imwiet qed joqorbu lejn il-mitt elf. Fl-Awstralja, mill-banda l-oħra, għandha ftit iktar minn 29,000 każ filwaqt li mietu 900 persuna bil-virus.