Saħħa
Tiżdied tilqima oħra kontra l-meningite fuq il-formularju tal-Gvern

It-trabi li twieldu minn Frar ta’ din is-sena ‘l quddiem se jingħataw it-tilqima kontra l-meningococcus. Fit-tnedija ta’ din it-tilqima li se tibda tingħata b’mod immedjat u mingħajr ħlas, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li b’hekk fuq il-formolarju tal-Gvern hemm it-tilqim li jkopri l-maġġoranza tal-mokrobi li jikkawżaw il-meninġite.

Fuq il-formolarju tal-Gvern żdiedet tilqima oħra kontra l-meninġite: it-tilqima kontra l-meningococcus, li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li huwa l-mikrobu li jikkawża l-aktar imwiet u li sa tliet snin ilu lanqas kien hawn tilqima għalih.

“Illum nistgħu nħabbru li b’effett immedjat qegħdin fuq il-formolarju tal-Gvern, jiġifieri mingħajr ħlas nagħtu t-tilqim għat-tipi tal-meningoccus kollha,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Dr Fearne spjega li hemm aktar minn mikrobu wieħed li jikkawża l-meninġite bl-iktar komuni huma l-haemophilus influenza, il-pneumococcus u l-meningococcus.

Qal li s-sistema tas-saħħa ilha snin tagħti t-tilqima kontra l-haemophilus influenza li tikkawża l-meningite l-aktar fit-trabi, waqt li t-tfal li twieldu mill-bidu ta’ Frar ta’ din is-sena bdew jingħataw it-tilqima kontra l-pneumococcus fit-tliet dożi.

Il-Ministru Fearne qal li bl-aħħar żewġ tilqimiet kontra l-meninġite li żdiedu fuq il-formolarju tal-Gvern, il-ġenituri qed jiffrankaw mas-€700 għal kull tarbija. Qal li l-Gvern qed jinvesti ‘l fuq minn 3 miljun ewro għal dan it-tilqim.

Id-Deputat Prim Ministru qal li kull sena f’Malta jkun hawn bejn 10 u 15-il każ tal-meninġite, ħafna minnhom tfal u żgħażagħ taħt l-20 sena. Qal li ħafna drabi s-sitwazzjoi tigrava f’temp ta’ ftit sigħat – bil-każijiet kollha jispiċċaw l-isptar. Żied li darba kull sentejn jew tliet snin f’Malta jkollna anke mewt kawża tal-meninġite.

Kull sena d-dipartiment tas-saħħa jagħti madwar 70,000 tilqima li żewġ terzi minnhom jingħataw lit-tfal li issa qed jingħataw ukoll mit-tobba tal-familja.