Lokali
ARA: Tkeċċa mill-armata talli xerred filmat ta’ suldat jinħaraq waqt it-taħriġ

Suldat li kien tkeċċa mill-Forzi Armati ta’ Malta wara erba’ snin ta’ servizz ma ngħatax raġun mill-Qorti, għaliex il-kawża kontra l-Kap Kmandant fetaħha erbat ijiem tard.

Joshue Agius talab kumpens għad-danni għaliex qal li kien tkeċċa inġustament, meta ngħata t-tort għal filmat li xxerred fuq il-midja soċjali u fuq Youtube, mingħajr ma saret investigazzjoni biex ikun stabbilit minn kien verament responsabbli.

Il-filmat kien inġibed b’mobile waqt taħriġ li kien qed isir fil-Barracks ta’ Ħal Safi f’Marzu 2015, fejn kollega ta’ Agius weġġa’ ħafif meta nħaraq bin-nar waqt it-taħriġ.

Agius, li kellu r-rank ta’ gunner, sostna li kulħadd kien konxju li qed jinġibed filmat bil-mobile. Qal li dan kien isir biex is-suldati jkunu jistgħu jaraw l-iżbalji li jkunu għamlu u jitgħallmu minnhom. Żied jgħid li kollegi oħra li nżammu responsabbli bħalu, ma ġewx imkeċċija.

Madankollu, fir-risposta tiegħu, il-Kap Kmandant qal li Agius kien ammetta li kien hu li xerred il-filmat permezz tal-Messenger u Whatsapp, u li ammetta wkoll li l-filmat li deher fuq Youtube kien dak li ġibed hu.

Barra minn hekk il-Kap Kmandant qal li l-kawża kienet infetħet tard, għaliex f’dawn il-każijiet il-liġi tistipula li għandha ssir fi żmien sitt xhur.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Mark Chetcuti, ikkunsidrat li Agius kien tkeċċa verbalment fis-17 ta’ Marzu, u ngħata discharge sheet l-għada 18. Huwa fetaħ il-kawża fit-22 ta’ Settembru ta’ wara, u b’hekk kienu għaddew sitt xhur u erbat ijiem.

Il-Qorti għalhekk iddeċidiet li l-proċeduri ma setgħux ikomplu.

Ara hawn il-filmat tal-inċident:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’Tas-Sliema, main bi pressjoni ogħlja spiċċa biex faqa’ l-bankina u ħasel il-karozzi pparkjati fil-viċin. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienu fuq il-post is-Sibt filgħaxija biex isolvu problema. Għat-tiswijiet kellha wkoll tingħalaq il-provvista…

Lokali

Minħabba li qed iċedi l-blat fil-bajja ta’ Għar Lapsi, kellu jingħalaq l-aċċess għal parti oħra minn din il-bajja, msejħa west cove. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti…

Lokali

Id-DJ Olandiż, Mike Williams, magħruf mad-dinja kollha għall-mużika house u future house li jipproduċi, għażel biex jiġbed filmat tal-aħħar diska li ħareġ f’Kemmuna. Id-DJ żagħżugħ li għandu biss 21 sena,…

Aktar