Qorti
“Keith Schembri ddispjaċut li Yorgen Fenech qed jigdeb fuqu” – Neville Gafa

Issoktat l-inkjesta pubblika fil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia li qed tistħarreġ jekk il-Gvern setgħax jieħu miżuri biex jevita dan il-qtil.

Fis-seduta tal-lum mistenni jixhed Neville Gafa.

L-ewwel biex jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda huwa Nigel Vella li huwa d-Deputat Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern.

Il-bord qiegħed jistaqsi lix-xhud dwar x’jinvolvi x-xogħol tiegħu. Is-sur Vella spjega kif hu flimkien mat-tim tal-komunikazzjoni huma responsabbli mill-publikazzjoni ta’ stqarrijiet għall-midja u l-pubbliku.

Mistoqsi jekk qattx lemaħ lil Yorgen Fenech f’Kastilja jew fl-uffiċju tal-eks Chief of Staff Keith Schembri is-sur Vella qal li ma kienx jaf lil Fenech u sar jafu mill-midja u li qatt ma lemħu f’Kastilja.

Mistoqsi jekk kienx hemm direzzjoni biex jiġi mżewweġ l-assasinju mal-kuntrabandu taż-żejt, is-sur Vella qal li dan mhux minnu.

Mistoqsi dwar it-talbiet għall-informazzjoni is-sur Vella qal li dawn ma kienux fir-remit tiegħu. Il-bord staqsa dwar talbiet għall-intervisti mill-midja barranija. Qal li dawn kienu jsiru speċjalment fl-aħħar snin, qal ukoll li ma kienux isiru kundizzjonijiet dwar mistoqsijiet.

Mistoqsi wkoll jekk qatt iddiskutiex l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia u 17 Black mal-Prim Ministru jew Keith Schembri s-Sur Vella qal li dan qatt ma sar.

Ix-xhud ġie mistoqsi dwar l-atmosfera meta ħarġet l-aħbar tal-assasinju u x’kienet ir-risposta tagħhom minn naħa ta’ komunikazzjoni. Qal li personalment kien mibluh u li kien hemm ħafna rikjesti f’qasir żmien mill-midja.

Il-bord kompla jistaqsi lix-xhud biex jitkellem dwar dak li ġara min wara l-kwinti, iżda x-xhud qed jisħaq li xogħolu kien marbut biss mal-komunikazzjoni.

Is-Sur Vella ġie mistoqsi wkoll dwar l-inċident meta ġurnalisti allegatament inqaflu min persuni mhux magħrufa ġewwa s-Sala tal-Amabaxxaturi f’Kastilja. Is-Sur Vella qal li l-ebda ġurnalist ma nżamm ġewwa u li din kienet proċedura normali. Mistoqsi jekk f’dak il-mument il-ġurnalisti setgħux joħorġu x-xhud qal li dik il-prassi.

Mistoqsi fuq persuni mhux magħrufa li dehru fil-filmati, s-Sur Vella qal li xi ftit minnhom kien jafhom minn wiċċhom u li ma kienx xogħlu biex jara min huma. Il-bord irrimarka li x-xhud mhux qed jirrispondi l-mistoqsijiet.

Ix-xhud ġie muri ritratti tal-persuni li dehru fil-filmat tal-inċident. Qiegħed jidentifika l-persuni wieħed wieħed, b’uħud minnhom jgħid li jafhom min wiċċhom.

Mistoqsi jekk ċertu kmamar tal-aħbarijiet kienux jiġu esklużi minn avvenimenti tal-midja, is-Sur Vella qal li l-istedini kienu joħorġu mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

L-Imħallef Lofaro ċanfret lix-xhud biex jelabora aktar u biex ma jkunx arroganti fir-risposti tiegħu. Hu kompl  jidentifika l-persuni li dehru fil-filmati. Ix-xhud ġie mistoqsi fejn jaf lil dawn in-nies, waqt li hu wieġeb li ma jafx eżatt tant kemm jiltaqa’ ma’ nies.

L-Imħallef Lofaro deheret irrabjata bir-risposta tax-xhud u nstemgħet tgħid fil-mikrofonu li ma tridx taħli iktar ħin f’din l-inkjesta.

Ix-xhud ġie mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Keith Schembri. Qal li huma kienu kollegi f’Kastilja u li kien is-superjur tiegħu. Mistoqsi jekk kienx jiddiskuti l-messaġġ tal-komunikazzjoni ma’ Keith Schembri dwar kwistjonijiet vajri fosthom il-Panama Papers, is-Sur Vella qal li huwa kien jippublika l-komunikazzjonijiet li jirċievi mingħand is-superjuri tiegħu.

Ix-xhud ġie mistoqsi jekk kienx jieħu minuti waqt il-laqgħat, qal li kien jieħu notamenti li aktar tard jiġu formulati l-istqarrijiet fuqhom.

Mistoqsi fuq ir-raba’ sular fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, x-xhud qal li kien jaħdem min hemm fl-irwol tiegħu fil-Partit Laburista. Il-bord staqsa jekk kienx jara negozjanti bħal Sandro Chetcuti fir-raba sular, qal li qatt ma rah iżda ma jistax jeskludi li kien hemm.

Dr Azzopardi staqsa lis-sur Vella jekk kienx jikteb fuq il-website tal-aħbarijiet tal-One meta kien persuna ta’ fiduċja f’Kastilja . Qal li m’għamel xejn ħażin billi kiteb l-opinjoni tiegħu, Dr Azzopardi rrimarka li dik hi l-problema. Is-Sur Vella kien pront biex jirrimarka li jekk irrid jista’ jelenka tliet persuni li fl-amministrazzjoni preċedenti kienu jitkbu l-opinjonijiet tagħhom f’pożizzjoni taċ-ċivil.

Wara r-risposta ta’ Vella fil-Qorti qam argument imqanqal bejn l-avukati tal-familja u x-xhud bil-bord jkollu jsieket u jwissi li se jkeċċi l-avukati l-barra mill-awla

Is-sinjura Corrine Vella xehedet u ppubblikat id-dokument dwar l-attivita tal-midja soċjali tax-xhud li jmiss, Neville Gafa. Din qalet li ħafna mill-kitbiet ta’ Gafa kienu jinkludu ritratti ta’ oħtha fil-pubbliku flimkien ma’ kliem dispreġjattiv.

Fuq il-pedana tax-xhieda, Neville Gafa qal li m’għandux xogħol bħalissa iżda li qabel kien jaħdem bħala koordinatur tal-Prim Ministru. Qal li qabel kien direttur tal-proġetti fil-Ministeru tas-Saħħa.

Mistoqsi fuq x’kien jinvolvi xogħlu huwa qal li l-Prim Ministru kien jgħaddilu x-xogħol.

Mistoqsi kemm ilu ħabib ma’ Keith Schembri, Gafa qal li ilhom ħbieb mill-2008. Mistoqsi jekk kienx jara lil Yorgen Fenech f’Kastilja, huwa qal li qatt ma rah fil-binja. Ix-xhud ġie mistoqsi wkoll dwar Kenneth Camilleri li ddeskrivih bħala ħabib u kollega.

Mistoqsi jekk jafx lit-tabib Adrian Vella, Gafa qal li jafu għax huwa pazjent tiegħu, madanakollu stqarr li ma jafx lil Melvin Theuma jew lil aħwa Degiorgio.

Mistoqsi fuq il-kitbiet tiegħu dwar is-sinjura Caruana Galizia, Is-sur Gafa qal li kien jippublika kif tippublika hi. Qal li kien jistenna dawn il-kitbiet għax kien fil-politika, iżda qatt ma stenna li tikteb fuq martu u l-familja tiegħu qal li dawn saru b’reazzjoni għall-kitbiet tagħha.

Ix-xhud qal li huwa qatt ma ġibed ritratti ta’ Daphne Caruana Galizia iżda li ħadhom min fuq paġni oħra. Dan waqt li stqarr li l-kitba hi agħar mir-ritratti. Qal li Caruana Galizia kienet bdiet tassoċċjah mal-mafja wara storja li ppublikat fuq ġurnal.

Mistoqsi jekk ġiex interogat dwar il-bejgħ tal-visas mediċi is-sur Gafa qal li ġie interrogat fit-tul dwar dan.

Mistoqsi għalfejn ma kienx sospiż wara dawn l-allegazzjonijiet Gafa qal li fil-fatt kien tkeċċa mil-Ministeru tas-Saħħa.

Ix-xhud ġie mistoqsi għalfejn kellu passaport diplomatiku, huwa qal li dan kien inħareġ minħabba x-xogħol tiegħu fil-Libja. Qal li miegħu kien jitla Kenneth Camillieri.

Qal li jitkellem ma’ Keith Schembri kullimkien u żied jgħid li kien inkwetat ħafna meta s-sur Schembri sar jaf bid-delitt. Mistoqsi fuq ir-rabta tax-xiri taż-żejt illegali u l-assasinju, Gafa qal li sar jaf b’dan min fuq il-mezzi tax-xandir.

Mistoqsi jekk kienx preżenti għal diskussjonijiet li saru f’kastilja dwar l-investigazzjoni fil-qtil tas-sinjura Caruana Galizia, Gafa qal li qatt ma daħal fi briefings.

Iċ-Charmain tal-Bord staqsih fuq ritratt li ppublika lejliet l-assasinju tagħħa, qal li dan ma ħadux hu. Mistoqsi jekk kienx hemm xi ħadd li ħadd li ħa gost mil-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia x-xhud qal li ma ra xejn min dawn ir-reazzjonijiet f’Kastilja.

Gafa qal li ma jaf xejn dwar 17 Black. Mistoqsi jekk kienx jaf li Yorgen Fenech u Schembri kienu qal li dan kien minnu iżda qatt ma rah id-dar ta’ Schembri.

Fuq il-kuntratt tal-Gvern mal-Vitals Global Healthcare, Gafa qal li ma jaf xejn dwar dan il-kuntratt.

Is-sur Gafa qal li qabel ma daħal fil-politika kellu rapport tajjeb mas-sinjura Daphne Caruana Galizia għaliex kien jaħdem f’ħanut tan-nuċċalijiet fil-Belt Valletta.

Qal li missieru għadda min stroke minħabba l-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia. Saħaq li ħafna miż-żmien it-tfal tiegħu ma bdewx morru x-xogħol minħabba l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Il-bord staqsa lix-xhud, jekk Keith Schembri kienx responsabbli mis-sigurtà f’Kastilja b’Gafa jgħid li s-Sur Ray Barbara kien responsabbli mill-membri tas-sigurta tal-Prim Ministru li jkunu assenjati f’Kastilja.

Mistoqsi fuq The Truth Project, Gafa qal li sar jaf b’dan kollu dan fl-aħħar ġimgħat.

L-avukat tad-difiża staqsa lis-Sur Gafa, dwar il-Panama Papers u jekk kienx jitkellem mas-sur Schembri dwar il-Panama Papers. Huwa qal li s-sur Schembri dejjem ċaħad miegħu l-involviment tiegħu fil-Panama Papers.

Qal li tkellem miegħu wkoll dwar ir-riżenja.

L-avukat Jason Azzopardi staqsa lis-sur Gafa jekk kienx il-Ministru Fearne li ttermina l-lkuntratt tiegħu. Is-sur Gafa, qal li dan huwa minnu u li qatt ma ngħata spjegazzjoni għat-tkeċċija. Qal li madanakollu huwa kien ta spjegazzjoni lill-Ministru Fearne.

Mistoqsi fuq il-laqgħa tiegħu ma’ mexxej ta’ milizja fil-Libja qal li din kienet kumbinazzjoni. Qal li bl-interventi tiegħu waqfu d-dħul ta’ eluf ta’ immigranti f’Malta, qal li kien jikkordina mal-awtoritajiet Libjani biex dawn il-persuni jiġu salvati qal li baqa’ jagħmel dan ix-xogħol sakemm irriżenja.

Mistoqsi minn Dr Azzopardi għalfejn kien jitla l-Libja ma’ Kenneth Camilleri, ix-xhud qal li kien jitolbu jiġi miegħu minħabba n-natura tal-post.

Mistoqsi dwar il-mowbajl ta’ Keith Schembri, is-sur Gafa qal li l-għada sempliċiment qallu li tilfu.

Il-bord staqsa lix-xhud dwar ir-relazzjoni bejn Schembri u Fenech, fejn qal li s-sur Schembri kien iddispjaċut ħafna minħabba l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Qal ukoll li meta tkellem mas-sur Camilleri dwar l-allegazzjonijiet li offra l-pledge għat-tliet akkużati fil-qtil u ħlas ta’ miljun ewro, is-Sur Gafa qal li qatt ma staqsa lil Camilleri dwar din l-allegazzjoni.

Qal lis-Sur Camilleri affetwatu din l-allegazzjoni, b’mod psikoloġiku. Madanakollu qal li meta jkollu ħabib għaddej min żmien ikrah ma jkomplix ikkabarlu l-ferita.

Ix-xhud ġie mistoqsi jekk Keith Schembri kienx ikellmu fuq Chris Cardona u l-allegazzjonijiet li kellu jirranġa kontejners tas-sigaretti tal-kuntrabandu biex jitħallsu t-tliet akkużati. Is-Sur Gafa ċaħad dan kollu.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Aktar