Lokali
“Binti kienet kontinwament tiġi segwita. Kont imħassba għax kienet tgħix f’post imwarrab”

Is-smigħ tax-xhieda mill-bord tal-inkjesta dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Carauana Galizia, kien ikkaratteriżżat minn rakkonti ta’ dak li esperjenzaw il-qraba tas-Sinjura Caruana Galizia. Il-bord semma’ wkoll xhieda bil-magħluq ta’ ġurnalista u ddeċieda li jippreserva l-files ta’ lokalizzazzjoni tal-mobile tal-Ministru Chris Cardona meta allegatament żar burdell fil-Ġermanja.

Fit-tieni seduta tal-inkjesta pubblika indipendenti, il-bord sema’ bil-magħluq x-xhieda ta’ ġurnalista li ma ġietx identifikat wara li l-avukat tal-familja Therese Comodini Cachia qalet li din kellha informazzjoni li mhix magħrufa pubblikament li qalet tista tagħti direzzjoni lil din l-inkjesta. Fi żvilupp ieħor, il-bord tal-inkjesta presedut mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, qabel li jżomm fil-kustodja tiegħu mingħajr ma jinfetħu l-file tal-lokazzjoni tal-mobile tal-Ministru Chris Cardona meta Daphne Caruana Galizia allegat li mar f’burdell f’Acapulco fil-Ġermanja.

Fis-seduta komplew jixhdu membri tal-familja Caruana Galizia fosthom ommha Rose Vella. Fi stqarrija miktuba, hija tat elenku ta’ diversi okkażjonijiet li fihom qalet li bintha kienet intimidata. Is-sinjura Vella stqarret li bintha kienet kontinwament qed tiġi segwita u kienet imħassba minħabba li kienet toqgħod f’post imwarrab.

Xehed ukoll missier il-vittma, Michael Vella li qal li kien hemm kampanja ta’ assassinju tal-karatru ta’ bintu. Huwa qal li l-intimidazzjoni fuq bintu żdiedet meta nbidel il-Gvern fl-2013, partikolament meta nbidel il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Qal li meta ħareġ ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali li għaddiet, diversi partitarji Nazzjonalisti waħlu t-telfa f’bintu u qal li kien hemm min kiteb li jeħtieġ li ‘itajjruha’.

Is-sur Vella qal li s-sitwazzjoni baqgħet sejra għall-agħar wara l-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista meta bintu baqgħet tiġi skreditata. Is-Sur Vella qal iżda li hija baqgħet tgawdi appoġġ minn qarrejja lokali u internazzjonali u baqgħet tikteb u tikxef aktar korruzzjoni waqt li magħhom baqa jiżdied it-theddid. Temm jgħid li kieku l-awtoritajiet għamlu xogħolhom, bintu għadha ħajja.

In-neputijiet tal-ġurnalista Meghan u Amy Mallia, semmew kif ħajjithom ġiet affetwata, b’nies jitkellmu b’mibegħda lejn zithom minħabba dak li kitbet. In-neputijiet qalu kif anke wara mewtha, huma baqgħu suġġetti għall-intimidazzjoni u theddid.

Xehdu ukoll tnejn mit-tliet aħwa ta’ Daphne Caruana Galizia – Helene Asciak u Mandy Mallia. Is-Sinjura Asciak qalet li l-fatt li ġurnalista titpoġġa taħt l-iskrutinju mill-politiċi minflok bil-maqlub, tmur kontra kull sens ta’ demokrazija. Iż-żewġt aħwa semmew meta flimkien mal-ġenituri tagħhom kienu intimidati fosthom meta jmorru jpoġġu fjuri fuq il-monument tal-Assedju il-Kbir fil-Belt.

Is-Sinjura Mallia qalet li ħabiba tagħha allegat kif l-infermiera li kienu fis-sala tal-operazzjonijiet tal-isptar Mater Dei wara li splodiet il-bomba, iċċelebraw malli waslet l-aħbar li oħtha nqatlet. Qalet li fil-post fejn saret l-ispluzjoni, raw nies li għaddew bil-karozzi li għajtu ‘boom boom boom…Joseph il-king”.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif f’Settemrbu tal-2018, in-negozjant Yorgen Fenech u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta siefru flimkien biex isegwu logħba futbol. Ġie rrappurtat kif Fenech li qed jiġi…

Kultura

Fil-Kapitali se tibda kompetizzjoni mużikali b’differenza hekk kif il-ġurija mhux biss se tivvota għall-aqwa siltiet u prestazzjoniet iżda għall-aqwa vjolin. Matul il-Malta International Violin Making Competition se jiġu ġġudikati 70…

Kisbiet

Charlayne Galea, segretarja f’kumpanija tad-diving ibbażata x-Xlendi, rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fil-qasam tat-turiżmu mogħti mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. Matul is-serata ta’ premjazzjoni ġew rikonoxxuti l-aħwa Ġużeppi u George Said għall-kontribut u…

Aktar