Qorti
Tkompli l-kumpilazzjoni dwar il-każ ta’ ħasil ta’ flus tal-aħwa Degiorgio
Kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Alfred u George Degiorgio u Angelina Pop akkużati b’ħasil ta’ flus.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehdu diversi rappreżentanti ta’ kumpaniji tal-assikurazzjoni li taw rendikont tal-vetturi, muturi u dgħajjes, li t-tliet akkużati kellhom assigurati magħhom bejn l-2005 u din is-sena.

Żewġ rappreżentanti ta’ żewġ kumpaniji tal-assikurazzjoni differenti ma dehrux fil-Qorti minkejja li kienu notifikati bis-seduta. Il-Maġistrat Joe Mifsud filwaqt li rriżerva d-dritt ta’ disprezz lejn il-Qorti, ordna mandat ta’ akkumpanjament għal rappreżentanti ta’ Middle Sea Insurance u Argos Insurance għas-seduta li jmiss fid-29 ta’ Ottubru.

F’din il-kawża hemm rikors pendenti dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest.