Qorti
Tkompli l-kumpilazzjoni dwar qtil f’Għawdex fl-2018

Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kompliet tinstema l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Eġizzjan fl-2018.

Aleksander Stojanovic, Serb ta’ 42 sena, jinsab mixli li fil-15 ta’ Jannar tal-imsemmija sena qatel lil Walid Salah Abdel Moteleb Mohamed li kellu 42 sena.

L-Eġizzjan kien instab mejjet f’għalqa fl-inħawi magħrufa bħala San Dimitri fl-Għarb u mill-awtopsja rriżulta li nqatel b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar sparati f’għonqu u f’sidru.

L-ewwel xhud fis-seduta tal-lum kien Terence Zammit li kien jaħdem bħala kaħħal mal-vittma.

Zammit għaraf lill-akkużat bħala r-raġel li ltaqa’ mal-vittma meta kienu fil-kju tal-vapur neżlin lejn Malta. Ix-xhud sostna li l-Eġizzjan kien jirreferi għall-akkużat bħala “ir-Russu”.

Huwa semma li l-aħħar darba li ra lil Walid kien meta mar jiġborlu t-tfal biex jeħodhom għand ommhom għax dak iż-żmien Zammit ma kellux karozza.

L-aħħar darba li tkellem mal-Eġizzjan kien jum qabel meta fakkru li l-għada kellhom jiltaqgħu filgħodu kmieni.

Wara li xehed Zammit issa qed jixhdu diversi pulizija li kienu fuq ix-xena tad-delitt u dawk li għenu biex tinstab il-vettura tal-vittma u biex jiġu elevati filmati ta’ CCTV cameras minn diversi lokalitajiet.

Fost dawn kien hemm l-Ispettur Bernard Charles Spiteri li spjega kif fuq ix-xena tad-delitt instab pakkett bil-kokaina u marki tat-tajers.

Huwa semma kif mill-filmati elevati tidher BMW dieħla l-Għarb u nofs siegħa wara ħierġa mbagħad dehret tieqaf ħdejn pompa tal-petrol l-Imġarr u telgħet fuq il-vapur tal-Gozo Channel.

Il-karozza nstabet Malta wara li persuna kienet qed tipprova tirreġistraha ma’ Transport Malta.

Huwa żied li kien f’Mejju li għadda li wara li l-Pulizija ssuspettat fi Stojanovic li s-Serb kien arrestat.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud waqt li l-Avukat Franco Debono qed jiddefendi lil Stojanovic.