Lokali
AĠĠORNAT: Il-Pulizija bi żviluppi ġodda dwar xi stqarr Yorgen Fenech

Kompliet illum quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Jixhed l-Ispettur Keith Arnaud

Fuq il-pedana tax-xhieda l-ispettur Keith Arnaud għall-kontro eżami mid-difiża ta’ Fenech. Huwa ġie mistoqsi mill-avukat Charles Mercieca dwar it-tim investigattiv tiegħu bl-ispettur Arnaud jgħid li t-tim huwa magħmul minn 7 persuni. Qal li mill-Europol dejjem ġew l-istess żewġ uffiċjali.

Qal li għal Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, bagħat darbtejn – meta ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru u reġa’ ssejjaħ id-depot jumejn wara. Qal li marru jarrestaw lil Schembri hu u l-ispettur Kurt Zahra. Mistoqsi dwar meta ġie arrestat it-tabib Adrian Vella, l-ispettur Arnaurd qal li l-arrest sar fis-26 ta’ Novembru, baqa’ arrestat sa waranofsinhar dakinhar stess. Qal li kienu bejn tlieta u erba’ persuna li marru jiġbruh. Spjega li l-ħinijiet li fih ġew arrestati Keith Schembri u Adrian Vella kienu differenti – għalhekk kien hemm differenza fl-għadd ta’ persuni li marru jarrestawhom.

Aktar tard huwa kien mistoqsi dwar Edwin Brincat magħruf bħala Il-Ġojja. Skont Arnaud, il-Ġojja qatt ma tkellem mal-Pulizija u baqa’ sieket waqt l-istqarrija mal-Pulizija. Mistoqsi jekk il-Kummissarju Lawrence Cutajar kienx parti minn din l-interrogazzjoni, Arnaud iwieġeb fin-negattiv. Dwar jekk il-Kummissarju daħalx waqt l-interrogatorju, l-Ispettur Arnaud qal li ma jiftakarx iżda ma jaħsibx li daħal.

Mistoqsi jekk ħadulux il-mowbajl, Arnaud qal li ma setax jieħdu għax diġà kienu ħaduh pulizija oħra. L-Avukat Mercieca jistaqsi jekk jafx li kien hemm telefonata bejn Edwin u l-eks Kummissarju, b’Arnaud jgħid li din qed tiġi investigata u għall-mistoqsija separata jwieġeb li jidher li l-eks Kummissarju kien ikkomunika mal-Ġojja qabel it-testimonjanza tiegħu.

F’aktar mistoqsijiet u tweġibiet ħareġ li wara li sar jaf b’dawn it-telefonati, l-Ispettur Arnaud ma reġax sejjaħlu lil Edwin il-Ġojja u lanqas ma bagħat għall-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Mistoqsi għandux ħbiberija ma’ Melvin Theuma, Arnaud jgħid li le imma mar jarah darbtejn l-isptar u d-dar tiegħu għax qal li fl-interess tiegħu bħala investigatur f’dan il-każ biex jara x’wassal biex ġara hekk.

Intant, ħin minnhom l-Avukat Mercieca u l-Ispettur Arnaud bdew jiddibattu fuq il-kopji tal-informazzjoni li tittieħed mill-apparat diġitali. Mistoqsi mill-Avukat Mercieca, l-Ispettur qal li ma jafx min aktar talab kopja għal din l-informazzjoni waqt l-inkjesta maġisterjali. Spjega li l-pulizija li qed jaħdmu fuq il-każ min-naħa tat-Task Force għandhom ukoll aċċess għal din l-informazzjoni miksuba mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech.

Dan wassal biex l-Avukat Mercieca jallega li sa dalgħodu stess, fuq il-midja, kien hemm leaks mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech. B’Arnaud jgħid kien konxju tal-messaġġi li għaddew bejn Fenech u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Kompla jgħid li huwa għadda rapport lil min qed jinvestiga l-leaks dwar il-leaks mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech ta’ konverżazzjonijiet mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Qal li hu mhux parti minn din l-investigazzjoni. Stqarr li wara dawn il-leaks kollha ma ħassx li kellu jistaqsi lit-tim tiegħu, ladarba hemm inkjesta maġisterjali għaddejja fuq dawn il-leaks.

L-Avukat Mercieca kompla jistaqsi lil Arnaud. Fost il-mistoqsijiet huwa staqsa x’inhi r-reazzjoni tiegħu jekk jgħidlu li Theuma għandu aktar rikordings li ħbiehom meta kien jaf li se jiġi arrestat. Għal dan Arnaud wieġeb li ma jafx.

Jixhed l-Ispettur Kurt Zahra

Wara pawsa tela’ jixhed l-Ispettur Kurt Zahra fejn qal li ttieħdet stqarrija ta’ Yorgen Fenech li hi maqsuma fuq 4 CDs awdjoviżivi. Dan wara li t-talba tiegħu għall-proklama ġiet miċħuda. Qal li l-ewwel interrogazzjoni bil-filmat saret fid-29 ta’ Novembru, 2019. Zahra qal li Fenech matul l-interrogazzjoni qatt ma ċaħad l-involviment tiegħu fil-qtil imma enfasizza li l-pjan ma bediex minnu imma allega li kien Keith Schembri li riedu jfittex lil xi ħadd biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Zahra qal li Fenech insista li kien hemm 3 persuni oħra li kienu jafu bil-qtil: l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, it-Tabib Adrian Vella u Johann Cremona.

Fix-xhieda tiegħu Zahra qal li fl-interrogazzjoni tiegħu, Yorgen Fenech qal lill-Pulizija li l-eks Prim Ministru tkellem darbtejn miegħu fuq il-każ. Darba bagħat għalih f’Kastilja u staqsieh jekk jafdax lil Melvin Theuma. Preżenti għal-laqgħa kien hemm Keith Schembri. Id-darba l-oħra fil-party li Joseph Muscat organizza fil-Girgenti. Qal ukoll li Dr Muscat kien staqsih jekk Keith Schembri jissemmix fir-recordings. Zahra qal li Fenech stqarr li Keith Schembri kien jgħidlu li jixtieq li tinqatel Caruana Galizia għax għamlet ħafna ħsara.

Mix-xhieda ħareġ ukoll li Fenech jgħid li kien jikkomunika ma’ Schembri permezz ta’ signal jew whatsapp. Allega li Schembri kien qallu biex imexxi sabiex tinqatel Caruana Galizia. Qal li kellhom jitħallsu €150,000 biex tinqatel. Fenech stqarr li kien iħossu mhedded anke minn Theuma għax darba dan kien mar ikellmu fl-uffiċċju u poġġa arma fuq il-mejda u darb’oħra induna li Theuma kellu arma fil-kalzetta.

Għall-ħabta tas-2.20pm l-Avukat Jason Azzopardi beda l-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra.  Azzopardi qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia. Mistoqsi meta Yorgen Fenech sar suspettat fl-investigazzjoni, l-Ispettur Zahra qal li fi tmiem tal-2018, bidu tal-2019. Dan peress li Melvin Theuma nstema’ jagħmal referenza għal “dak tat-torri”. Kompla jgħid li dakinhar tal-arrest kienet daħlitilhom informazzjoni li Yorgen Fenech kien se jipprova jaħrab u kien ġie arresta fuq id-dgħajsa tiegħu Gio ‘l barra minn Portomaso.

L-Ispettur Zahra xehed li fil-mwbajl ta’ Fenech instabu chats li bihom ikkonferma li kien mistieden għall-festin tal-Girgenti. Qal li sab chats fejn Dr Muscat staqsieh jekk ħax pjaċir, b’Fenech iwieġbu li ma kellmux għax rah dejjem imdawwar bin-nies u hu daqsxejn mistħi.