Knisja Maltija
Tkompli l-maratona Oħloq Tbissima – s’issa nġabru €30,563

Illum kompliet il-Maratona Oħloq Tbissima f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera.

Is-16-il edizzjoni tal-maratona bdiet ilbieraħ f’nofsinhar u s’issa nġabru €30,563.

Oħloq Tbissima hija maratona ta’ 60 siegħa xandira live imtella’  miċ-ĊAM Productions international (ĊPi),  il-Production House fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).

L-għan ta’ din il-maratona hu li titqajjem kuxjenza missjunarja, filwaqt li jinġabru fondi b’risq il-missjonijiet fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), fil-Peru, fil-Filippini u fil-Pakistan, kif ukoll hawn Malta.  Matul is-snin li ilha tittella’ din il-Maratona, numru sabiħ ta’ persuni u familji fqar ibbenefikaw mill-ġid li ħareġ minn din l-attività.

Il-missjoni tal-Peru, din is-sena tiċċelebra l-50 sena mit-twaqqif tagħha.  F’din il-missjoni, il-missjunarji jieħdu ħsieb il-bżonnijiet diversi tal-familji inkluż l-aspetti pastorali u spiritwali. Barra minn hekk, huma jieħdu ħsieb  dar residenzjali li tilqa’ fiha numru ta’ tfal, jżuru l-anzjani u l-morda, joffru edukazzjoni lit-tfal, imexxu day care centres, jieħdu ħsieb kċejjen pubbliċi u anke joffru servizzi mediċi f’ċentri tas-saħħa, fost xogħol ieħor.

Fil-Filippini wkoll, minbarra l-ħidma spiritwali u pastorali, huma joffru programmi ta’ edukazzjoni lit-tfal u ż-żgħażagħ u jmexxu anke feeding programme fejn jitqassam ikel sustanzjuż f’diversi żoni. Permezz tal-orkestra li ħoloq Fr. Joe Cremona MSSP, tfal u żgħażagħ jinġabru flimkien jitgħallmu l-mużika minflok jispiċċaw jiġġerrew mat-toroq.  Il-Patrijiet MSSP qed jagħtu importanza kbira lill-edukazzjoni ta’ dawn it-tfal u żgħażagħ bit-tama ta’ futur aħjar għalihom u l-familji tagħhom.  Infatti huma joffru boroż ta’ studju sabiex, hekk kif il-miżata titħallas mill-missjunarji, iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jmorru l-università.  Il-missjunarji jfittxu li jkunu viċin in-nies ħalli jagħrfu l-bżonnijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jgħinuhom.

Fil-Pakistan, il-ħidma missjunarja hija l-aktar fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn qed jistinkaw biex jippromwovu  u jagħtu edukazzjoni tajba lin-nisa għaliex hemmhekk huma l-aktar l-irġiel li jmorru skola.  Il-missjunarji hawnhekk jieħdu ħsieb skola kbira fejn l-Insara u l-Musulmani jitgħallmu flimkien. Il-missjunarji joffru livell ta’ edukazzjoni tajba sabiex il-quddiem l-istudenti jsibu xogħol xieraq. Hija x-xewqa tal-missjunarji li jixtru mobile clinic ħalli jkunu jistgħu jmorru fl-irħula fejn it-tabib tal-klinika jkun jista’ jagħtihom il-kura li jeħtieġu.

Lokalment, l-MSSP jmexxu d-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera, li tilqa’ fiha subien li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu fil-familja naturali tagħhom.  Din is-sena hemm ix-xewqa li jinbeda proġett fejn fid-dar tat-tfal tinbena media hub, sabiex it-tfal mhux biss jitħarrġu fil-midja imma wkoll ħalli dan iservihom ta’ terapija billi joħorġu minnhom infushom u anke jkunilhom ta’ fejqan psikoloġiku.

Din is-sena l-Maratona  ġiet  inawgurata mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca u mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Is-60 siegħa tal-maratona qed jixxandru fuq TVM2.

Min jixtieq jagħti d-donazzjoni tiegħu jista’ jagħtmel dan billi jċempel fuq:

€10                  51602004

€15                  51702007

€25                  51802009

SMS €4.66      50618099

Pledge Line:  21 445544 (għal donazzjonijiet ta’ €100 jew aktar)

Jew donazzjoni online fuq:  www.ohloqtbissima.com

Ara wkoll:

Tibda s-16-il edizzjoni tal-maratona Oħloq Tbissima