Lokali
AĠĠORNAT: “Rajt mara żżomm idejn raġel li kien evidenti li kien mejjet” – tabib tal-emerġenza

Illum qed tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ b’rabta mal-inċident bid-double-decker li fih mietu żewġ turisti u bosta ndarbu. L-inċident kien seħħ nhar id-9 ta’ April 2018.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, awtorizzat li żewġ imputati, Lee Anne Borg  u Noel Degabriele, ma setgħux jattendu minħabba raġunijiet mediċi, iżda s-seduta se tkompli xorta.  Huma flimkien ma’ xufier ta’ double-decker u żewġ diretturi oħra  ta’ kumpanija tal-karozzi tat-turisti tressqu l-Qorti fis-26 ta’ Frar mixlija bi qtil involontarju ta’ żewġ turisti f’inċident li seħħ f’April ta’ tliet snin ilu.

Charles D’Amato, ix-xufier ta’ 27 sena u d-diretturi, Lee Anne Borg ta’ 38 sena, Kim Degabriele ta’ 40 sena, Noel Degabriele ta’ 24 sena u Philip Degabriele ta’ 32 sena kienu wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. L-eżami izda illum kellu jsir mill-ġdid minħabba li saret korrezzjoni fl-akkużi. Huma reġgħu wieġbu mhux ħatja, biz-żewġ akkużati li mhux preżenti wieġbu permezz ta’ video conferencing.

Jixhed Dr Jonathan Joslyn – tabib tal-emerġenza

L-ewwel xhud li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda kien Dr Jonathan Joslyn, tabib tal-emerġenza. Huwa esebixxa dokument. Spjega li daħlet sejħa biex imorru fuq inċident li seħħ fiż-Żurrieq fejn kienet involuta double decker. Qal li waqt li kien fit-triq semgħu li kien inċident serju u kien hemm nies mejta u midruba.

Dr Joslyn qal li Dr Michael Spiteri li wasal ftit qablu, qal li mill-ewwel assessjar iddikjara li dan kien inċident maġġuri u sejħu aktar ambulanzi biex imorru fuq post flimkien ma’ dawk amministrati minn għaqdiet volontarji għax ma kinux se jlaħħqu.

Dr Joslyn qal li kif daħal fid-double-decker sab ħafna nies bilqiegħda isfel, nies konfużi, jgħajtu u jibku. Kompla li kif daħal ra t-twieqi fuq n-naħa tal-lemin mimlija demm iċarċar minn fuq. Sejjaħ biex dawk li setgħu jimxu joħorġu mix-xarabank u żied li isfel ma kienx hemm nies midrubin.

“Xħin sejjaħt lil kulħadd biex jinżel indunajt li kien hemm żewġ persuni ma qamux” 

Il-konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza qal li kif tela’ fuq, ra tifel ta’ 6 snin mir-Renju Unit, li kien qed itih fit u seta jitlef in-nies u jmut fi ftit sekondi. Qal li sejjaħ infermiera u ħaduh mill-ewwel l-isptar. Qal li t-tifel intlaqat dirett mis-siġra tant li kellu diversi ksur fosthom f’rasu u aktar tard spiċċa l-ITU. Dr Joslyn qal li kif sejjaħ lil kulħadd biex jinżel, induna li kien hemm 2 persuni li ma qamux. Ra mara żżomm idejn raġel li kien evidenti li kien mejjet tant li idu tqaċtet minn posta. Żewġ postijiet lura kien hemm mara oħra mejta, bi ġrieħi gravi f’rasha.

Aktar ‘il quddiem, kien hemm raġel Ingliż li kellu ksur f’għonqu u kien ipparalizzat, bit-tfal li kienu hdejh, kienu trawmatizzati. Aktar tard ġie kkonfermat li kellu ġrieħi serji fix-xewka ta’ dahru u kellu jitniżżel b’turntable ladder.

Dr Joslyn qal li sab ukoll lil ħu t-tifel li sab malli tela’, tifel ta 8 snin, li wkoll intlaqat dirett u aktar tard spicca l-ITU.

Dr Joslyn kompla jgħid li l-aħħar persuna li marru fuqha kienet Taljana li kienet bilqiegħda quddiem nett. Qal li minkejja li kienet l-ewwel waħda li hadet id-daqqa, l-istruttura fuq quddiem tax-xarabank taffitilha d-daqqa, iżda xorta ġarbet xi ġrieħi.

Qal li z-zokk laqat lil kull min kien fuq in-naħa tax-xellug. Kompla li mara li kienet fuq wara nett tad-double decker indunat x’qed jiġri u nieżlet taħt is-sit iżda tant seħħet malajr li xorta kellha tiċrita u neħħiet parti mix-xagħar.

Dr Joslyn spjega li kien hemm 32 persuna midruba li minnhom kien hemm erbgħa fl-ITU. Qal li sab lix-xufier fi stabbiliment li kien fejn is-siġra. Spjega li x-xufier kien fi stat ta’ xokk u ħaduh l-isptar. Kompla jgħid li fi żmien siegħa rnexxielhom jindirizzaw lil kulħadd.

Jitla’ jixhed l-Assistent Kummissarju, Sandro Gatt

It-tieni xhud huwa l-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, stazzjonat fid-Dipartiment għar-Reati Maġġuri u Omiċidji, li meta seħħ l-inċident kien stazzjonat fuq id-distrett taż-Żurrieq.

Qal li fl-4.30 ġie infurmat bl-inċident. Spjega li tela’ fuq il-post u kif wasal fi Triq il-Belt Valletta ra kommossjoni, b’vetturi tal-paramedici, tal-RIU u kowċ wieqaf.

L-Assistent Kummissarju Gatt qal li kif tela’ fuq ix-xarabank ra mara bla ħajja rasha baxxuta b’xagħra imdendel ‘l-isfel u ftit ‘il boqgħod ra raġel bi driegħ tax-xellug mhux hemm, bil-kamera mdendla m’għonqu.

Qal li hu qatt ma ndaħal fl-investigazzjoni.

Jixhed l-Ispettur Malcolm Sammut

Imiss jixhed l-Ispettur Malcolm Sammut, stazzjonat l-Ispecial Intervention Unit. Qal li mal-wasla fuq il-post sabu kommossjoni. Ix-xarabank kellha daqqiet u dmijja fuq in-naħa tax-xellug.

L-ispettur Pierguido Saliba, li kien responsabbli mit-traffiku qal li għamel test tal-Breathalyzer lix-xuffier li rriżulta negattiv.

Il-Maġistrat qal li d-digriet tal-prima facie se jinstema’ fis-26 ta’ Marzu.

Aktar dettalji fil-ħin li ġej.