Tletin persuna kull sena jiġu akkużati bi stupru

F’Malta madwar tletin persuna kull sena, jiġu akkużati bi stupru. Il-maġġoranza tagħhom jinstabu ħatja mill-Qrati Maltin. Il-profil tal-aggressur ivarja bejn ħbieb, nies bla konoxxenza u familjari. Il-ħsieb ewlieni wara dan ir-reat jibqa’ l-gwadan ta’ kontroll fuq il-vittma u s-sodisfazzjon sesswali.

Studju maħruġ mill-Università ta’ Malta jindika li 85% tal-każijiet qatt ma jiġu rappurtati u għalhekk il-vittma jagħmel għomru jsofri fis-skiet.

Fl-2014 ġiet imwaqqfa entità bil-għan li tgħin u tassisti vittmi ta’ vjolenza u abbuż sesswali f’dak li għandu x’jaqsam terapija, servizzi soċjali u għajnuna legali. L-Entità Care for Victims of Sexual Assault indikat li sa issa offrew assistenza lill-mitejn u wieħed u ħamsin vittma. 95% ta’ dawk li fittxew is-servizzi ta’ din l-entità huma nisa filwaqt li 5% biss kienu rġiel. Minn naħa l-oħra l-aggressuri kienu kollha rġiel minn barra każ wieħed. 27% tal-każijiet ta’ stupru jsiru d-dar, 18% jsiru x-xogħol u 14% biss jsir barra jew f’xi okkażjoni soċjali. Matul is-sena 2020 il-każijiet investigati, mixlija u kundannati naqsu meta komparati mas-sena 2019 u 2018.

L-Ispettur Joseph Busuttil spjega li jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn kien hemm differenza sostanzjali fl-istatistiċi bejn sena u oħra. Tkellem ukoll dwar il-fatt li fis-sena 2020 in-numru bejn il-każijiet investigati, mixlija u kundannati ma jaqbilx. Huwa stqarr li għalkemm il-pulizija tieħu bis-serjetà kull akkuża li tasal quddiema, jeżisti ċ-ċans li dawk il-każijiet li sparixxew mill-istatistika ma kienux veritieri u għalhekk l-akkużi jieqfu. Żied jgħid li sfortunatament f’dawn l-aħħar żminijiet żdiedu l-akkużi foloz, speċjalment fost iż-żgħażagħ li jista’ jkun qegħdin jiġu influwenzati minn dak li jaraw fuq il-midja. Żied jgħid li dawn l-akkużi huma wkoll kunsidrati bħala reat kriminali għaliex jista’ jkollhom impatt drastiku fuq il-ħajja tal-vittma.