Qorti
Tliet awli tal-Qorti attrezzati biex kawżi ċivili jinstemgħu virtwalment

Fil-Parlament għaddejja diskussjoni dwar abbozz ta’ liġi biex il-kawżi ċivili jibdew isiru b’mod virtwali.

Il-Gvern u l-Oppożizzjoni huma favur din il-miżura li se tippermetti lill-Maġistrati u l-Imħallfin jagħmlu s-seduti tagħhom mingħajr intoppi.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal lil Television Malta li dawn il-bidliet huma maħsuba biex iħaffu l-kawżi pendenti fil-Qrati, fosthom minħabba x-xogħol li waqa’ lura bejn Marzu u Ġunju minħabba l-pandemija.

Huma tlieta l-awli fil-Qorti li ġew attrezzati bl-aħħar teknoloġija ħalli jibdew jinstemgħu b’mod virtwali l-kawżi ċivili, fosthom dawk fil-qasam tal-familja. Il-Kap tat-Taqsima tal-Informatika fil-Qorti, Darren Spiteri, qal li dan l-investiment se jgħin biex jitnaqqas l-iffullar fil-kurituri tal-Qorti, anki minħabba l-pandemija.

“Il-vantaġġ huwa li issa jista’ jkollok iktar seduti fl-istess ħin għaddejjin u l-partijiet ikkonċernati b’mod virtwali jistgħu jipparteċipaw daqslikieku qegħdin fiżikament fil-Qorti.”

Fl-awli ġew stallati kameras li jaqbdu angoli differenti filwaqt li s-sistema tal-awdjo se tirrekordja l-vuċi tal-partijiet b’mod diġitali għal skopijiet tat-traskrizzjonijiet tal-kawżi.

“Għandna kmamar li jisservew bħala remote rooms fejn inti minflok dħalt fil-Qorti, inti dħalt f’din il-kamra u tista’ inti qed tixhed u qed tinstema’ fl-awla partikolari fejn ikun qed jinstema’ l-każ,” spjega s-Sur Spiteri.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li dawn il-bidliet huma maħsuba biex jindirizzaw il-kawżi pendenti li nġemgħu, anki bl-għeluq tal-Qrati bejn Marzu u Ġunju minħabba l-pandemija.

“L-effiċjenza tibqa’ l-prijorità tiegħi fil-proċessi ġudizzjarji ċivili li n-nies jinqdew malajr u n-nies ikollhom ġustizzja f’ħin raġjonevoli,” qal il-Ministru Zammit Lewis.

L-amministrazzjoni tal-Qorti qiegħda fil-proċess li tixtri aktar apparat teknoloġiku ħalli jitwaħħal fil-kumplament tal-awli.